“Kemmuna, Sit Tan-Natura 2000 Imħares Bil-Liġi, Inbidlet F’Lido Privat” – Moviment Graffitti
“Minn kmieni filgħodu kull pulzier tal-bajja Blue Lagoon, f’Kemmuna kien mimli umbrelel u deckchairs ta’ kumpanija privata li għamlet tagħha din il-bajja pubblika.”
Dan kien il-messaġġ li wasslu l-Moviment Graffitti fuq il-mezzi soċjali tiegħhom fejn permezz ta’ ritratti wrew is-sitwazzjoni fuq Kemmuna minn kmieni filgħodu matul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Huma qalu li fil-ħin li ttieħed ir-ritratti, kważi d-deckchairs kollha kienu għadhom vojta.
Il-Moviment Graffitti fi stqarrija qali li sabiex toqgħod fuq din il-bajja trid bilfors tħallas “biz-zalza”.
Matul il-ġurnata mijiet ta’ turisti jitwasslu fil-Blue Lagoon permezz ta’ dgħajjes li mal-ewwel ikunu jridu jħallsu lill-operaturi tad-deckchairs għal post fuq il-bajja, mingħajr garanzija li ssib post. Il-Moviment Graffitti saħaq li din hija “xibka ta’ negozju li ħakmet lill-Blue Lagoon.”
Il-Moviment Graffitti żiedu jgħidu li apparti dan kollu hemm il-mużika għolja, ma taqta’ xejn ħierġa minn sitt kjoskijiet enormi madwar il-bajja, u li ħafna mill-iskart ta’ dawn il-kjoskijiet spiss jispiċċa fix-xagħri viċin.
“Ir-regħba biddlet waħda mill-isbaħ bajjiet tal-gżejjer tagħna f’infern ta’ rassa, storbju u ħmieġ. Kemmuna, sit tan-Natura 2000 imħares bil-liġi, inbidlet f’lido privat,” temmew jgħidu l-Moviment Graffitti, filwaqt li qalu li din l-istorja ilha tirrepeti ruħha u sajf wara sajf tmur għall-agħar.