Kienu Pparkjati Taħt It-Tinda Tal-Buskett U Qajmu Suspett…Wara Tfittxija Nstab Li Kellhom Id-Droga

 Kienu Pparkjati Taħt It-Tinda Tal-Buskett U Qajmu Suspett…Wara Tfittxija Nstab Li Kellhom Id-Droga

Żewġ żgħażagħ spiċċaw arrestati minħabba sejba ta’ droga kannabis.

Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-11pm, meta żewġ Pulizija għall-Komunità, waqt li kienu b’ronda fil-Buskett, innutaw żewġ persuni f’vettura BMW li kienet ipparkjata taħt it-tinda u li qajmet suspett. Għaldaqstant huma talbuhom biex joħorġu mill-karozza u minn tfittxija li saret fiha nstabet ammont ta’ droga kannabis, kif ukoll numru ta’ boroż żgħar tal-plastik.

Fuq il-post issejħu minnufih il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi fejn komplew bl-investigazzjonijiet u waqt li kienet qiegħda ssir tfittxija fuq iż-żewġ ġuvintur, ta’ 21 u 18-il sena, it-tnejn residenti l-Mosta, fil-pussess ta’ wieħed minnhom instabet aktar droga.

Aktar tard saret tfittxija fir-residenzi taż-żewġ persuni fejn il-pulizija elevaw xi oġġetti allegatament relatati mal-abbuż tad-droga.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace.

Iż-żewġ ġuvintur ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com