L-Imsieħba Soċjali Ltaqgħu U Ddiskutew It-Temi Tal-Inflazzjoni, Il-Loġistika, U S-Sigurtà Tal-Provvista

 L-Imsieħba Soċjali Ltaqgħu U Ddiskutew It-Temi Tal-Inflazzjoni, Il-Loġistika, U S-Sigurtà Tal-Provvista

L-imsieħba soċjali ltaqgħu u ddiskutew it-temi tal-inflazzjoni, il-loġistika, u s-sigurtà tal-provvista, magħrufa bħala ‘security of supply’. Din il-laqgħa ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

Waqt li indirizza l-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Ministru Silvio Schembri qal li l-kriżi tal-gwerra fl-Ukrajna u d-diffikultajiet li din qed iġġib magħha għandna niddiskutuhom bl-istess mod trasparenti mal-imsieħba soċjali kif għamilna fi żmien il-pandemija.

“Jekk ma tgħallimna xejn fi żmien il-pandemija, tgħallimna li b’diskussjoni miftuħa mal-imsieħba soċjali kollha, billi nisimgħu lil xulxin u niġbdu ħabel wieħed naslu. Hekk ukoll irridu nagħmlu issa quddiem ir-realtà ta’ gwerra ftit ‘il bogħod minn xtutna”, qal il-Ministru Schembri.

Huwa qal li l-gvern anke f’din il-kwistjoni qiegħed jintervjeni, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet tal-enerġija. “Kif diġà għamilna f’dawn is-sentejn, se nkunu qegħdin nisimgħu d-diffikultajiet ta’ kulħadd u flimkien negħlbu l-isfidi”, żied jgħid il-Ministru Schembri.

Fl-indirizz tiegħu lill-Kunsill, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li bħala gżira, Malta tinsab fi żvantaġġ ġeografiku permanenti. “Bħala pajjiż, Malta tiddependi fuq dak li timporta, u allura meta l-prodotti jogħlew barra, dan jaffettwana mhux ftit”, qal is-segretarju parlamentari.

“Il-gvern qed jagħmel ħiltu biex dawn id-diffikultajiet itaffihom u qed jilqa’ għal kważi kull daqqa li tolqotna minn barra. Fejn il-prezzijiet tal-enerġija għolew barra minn xtutna, aħna rajna li dik id-daqqa joħodha l-gvern, biex in-negozji jkunu jistgħu jibqgħu jinvestu u l-ħaddiema jibqgħalhom spending power, speċjalment issa li nistgħu ngħidu resqin lejn in-normalità l-ġdida wara sentejn ta’ sfidi imposti mill-pandemija”, kompla jgħid is-segretarju parlamentari.

“Irridu nkunu skjetti, onesti u lesti li niġbdu ħabel wieħed, għall-ġid kollettiv flok dak individwali. Fl-aħħar mill-aħħar, sta’ għalina li naħdmu lkoll flimkien, biex dawn il-problemi nindirizzawhom b’vuċi waħda: speċjalment meta mmorru fl-istituzzjonijiet Ewropej u ssib tensjonijiet bejn pajjiżi ġejjin mill-kontinent, u pajjiżi bħalna li r-realtà tagħna hija differenti”, kkonkluda Andy Ellul.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com