Malta Hija L-Ewwel Destinazzjoni Ewropea Ċċertifikata Minn Forbes Travel Guide
Malta hija l-ewwel pajjiż Ewropew li ġie ċċertifikat minn Forbes Travel Guide. Din hija aġenzija li tikklassifika, fuq diversi kategoriji, lukandi u restoranti għas-servizz li joffru lill-konsumatur.
Għal din is-sena, seba’ lukandi f’Malta kisbu rikonoxximent minn Forbes Travel Guide. Il-lukanda Iniala akkwistat l-ogħla rikonoxximent ta’ ħames stilel, il-lukanda Corinthia Palace kisbet it-titlu ta’ erba’ stilel filwaqt li l-lukandi Hyatt Regency, Kempinski San Lawrenz, Malta Marriot, Radisson Blu Golden Sands u Roselli kisbu l-premju ta’ rakkomandazzjoni.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mil-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Restoranti u l-Lukandiera (MHRA) Tony Zahra, u l-Ambaxxatur ta’ Forbes Travel Guide Filip Boyen.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li ż-żmien tal-pandemija kien il-mument opportun li l-gvern flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu issaħħu l-kwalità fil-prodott turisiku Malti.
“Irridu nkomplu nipprovdu opportunitajiet u pjattaformi għal-lukandi u r-restoranti tagħna bl-għan li nkunu l-aqwa f’dak kollu li nagħmlu. Permezz ta’ din il-mentalità nkunu qegħdin niggarantixxu esperjenza turistika aħjar, tant li t-turisti jkollhom raġunijiet validi li jerġgħu jirritornaw għall-vaganzi tagħhom fil-Gżejjer Maltin”, saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
“Bħala awtorità nemmnu li din ir-relazzjoni ma’ Forbes Travel Guide, hija eżempju ċar ta’ fejn nixtiequ nkomplu nwasslu lill-industrija tagħna, anke fid-dawl tal-irkupru u tar-rivitalizzazzjoni tas-settur, hekk kif huwa elenkat fl-istrateġija tas-settur għall-għaxar snin li ġejjin”, qal iċ-Chairman Gavin Gulia.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Tony Zahra sostna li l-MHRA hija sodisfatta li ngħatat l-opportunità sabiex tikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta’ programm li jaħseb għan-niċeċ differenti li jingħataw servizz mil-lukandi u r-restoranti. Huwa sostna li jeħtieġ li jkomplu jtejbu l-kwalità fis-servizz, li jħarrġu mill-ġdid il-ħaddiema filwaqt li jassiguraw livell għoli ta’ sigurtà għall-viżitaturi.
“Nirrikonoxxu li Malta hija mpenjata b’mod sħiħ li ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà kemm tat-turisti kif ukoll tal-impjegati li jaħdmu f’dan is-settur u għalhekk huwa importanti li iżjed lukandi u restoranti Maltin u Għawdxin jagħmlu parti minn dan il-programm”, temm jgħid l-Ambaxxatur ta’ Forbes Travel Guide Filip Boyen.
Ritratt: DOI