Malta Se Tkun It-Tieni Pajjiż Li Tipproponi Bidliet Leġislattivi Li Jitrattaw Reat Tal-Femiċidju

 Malta Se Tkun It-Tieni Pajjiż Li Tipproponi Bidliet Leġislattivi Li Jitrattaw Reat Tal-Femiċidju

Illum il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ressaq quddiem il-kamra u fetaħ id-diskussjoni fuq l-abbozz ta’ Liġi li jemenda l-kodiċi kriminali. L-għan tal-abbozz hu li l-kodiċi kriminal jipprovdi dwar il-piena għall-omiċidju volontarju u għal attentat ta’ omiċidju volontarju meta dan ikun jammonta għal femiċidju jew attentat ta’ femiċidju. Kif ukoll għall-esklużjoni tal-femiċidju milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli abbażi ta’ passjoni istantanja.

Malta se tkun it-tieni pajjiż wara Ċipru li tipproponi bidliet leġislattivi li jitrattaw ir-reat tal-femiċidju. Din l-emenda inovattiva u neċessarja nibdet wara li għal-ammont ta’ snin ħareġ biċ-ċar li f’pajizna hawn żbilanċ bejn ir-raġel u l-mara. Kienet propju l-ġrajja makabra ta’ Sinjura Paulina Dembska li wasslet biex ġie preżentat rapport mill-Universita ta’ Malta u l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ippubblikaw rapport intitolat “Country Report on Femicide: Research and Data” u ssusgwiment tressaq abbozz ta’ liġi.

Dan ir-Rapport li jelenka numru ta’ konklużjonijiet fosthom li s-soċjeta’ Maltija għadha: patrijarkali u bbażata fuq sterjotipi tal-ġeneru; li ħafna nisa jew jibqgħu lura milli jirrapportaw vjolenza domestika jew jirtiraw ir-rapport li jkun għamlu; U li minkejja li Malta implimentat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-2018 fadal xi jsir u li l-femiċidju għandu jkun reat distint mill-omiċidju.

Konxji ta’ dawn ir-riżultati l-Gvern immedjatament skatta proċess ta’ konsultazzjoni ma diversi entitajiet u għaqdiet non-governattivi biex isir magħruf aħjar ir-realtajiet li qed jaffaċjaw in-nisa fis-soċjeta Maltija, u kif bħala gvern nistaw naġixxu biex ngħelbu l-isfidi li jħabbtu wicchom magħhom in-nisa.

Ir-riżultat ta’ dan wassal għal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-kodiċi kriminali. B’din il-bidla fil-kodiċi kriminal l-Gvern qed jipproponi li l-qtil jew attentat ta’ qtil li jirriżulta li jkun ta’ natura Femiċidjali, iġifieri l-vittma tal-każ tkun mara jew tifla u jkun sar minn raġel stante li l-qtil jkun motivat mill-ġeneru, għandu jorbot lill-gudikanti milli jimmilitaw kontra, li ma tingħatax piena ħarxa. It-tieni emenda tkun dik illi omoċidju b’ karatteristiċi ta’ femiċidju ikun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f’“passjoni istantaneja”.

Huwa fid-dmir u dover tal-Gvern li jintervjeni biex jintroduċi kull għodda neċessarja biex tnaqqas u jekk possibli telimina għal kollox dawn it-tip ta’ reati.

“Għamilna ħafna, iżda dan ma jfissirx li ser nieqfu hawn, anzi nghati l-kelma tiegħi li ser inkun fuq ta’ quddiem biex nixpruna aktar liġijiet li jsaħħu d-drittijiet tal-mara fis-soċjeta moderna li rridu ngħixu fiha.  Aħna għandna qalb u nħossu, għandna moħħ u naġixxu, għandna ruħ u nifmu is-sentiment tal-poplu”, qal il-Ministru Jonathan Attard.

Il-Ministru ikkonkluda billi sostna li l-għan tal-bidliet leġislattivi mhumiex biss biex isiru l-emendi neċessarji fil-liġi, iżda ukoll li jingħata vuċi lil dawk li qedgħin fis-skiet ta’ djarom. Filwaqt li kompla billi għadda messaġġ ta’ kuraġġ u saħaq li ser isibu lill-Gvern bħala tarka għal dawk li qed ibgħatu… “biex niddefendukom, biex intukom vuċi, biex intukom soċjeta li tistmakom ugwali daqs kullhadd, mingħajr biża”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com