Malta Tkompli Tkabbar Ir-Reputazzjoni Ta’ Eċċellenza Fis-Settur Tal-Avjazzjoni

 Malta Tkompli Tkabbar Ir-Reputazzjoni Ta’ Eċċellenza Fis-Settur Tal-Avjazzjoni

Malta qed tkompli tkabbar ir-reputazzjoni ta’ eċċellenza fis-settur tal-avjazzjoni hekk kif pajjiżna issa jinsab fl-ewwel post fil-Cape Town Compliance.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt il-European Business Aviation Convention (EBACE) f’Ġinevra li fiha qed tipparteċipa Transport Malta.

Huwa spjega li dan hu riżultat ta’ qafas leġiżlattiv robust ħafna għar-reġistrazzjoni ta’ ajruplani taħt il-bandiera Maltija.

Il-Cape Town Convention huwa qafas leġiżlattiv importanti f’dan is-settur li l-iskop tiegħu hu li jipprovdi protezzjoni lill-interess tal-bejjiegħa, ix-xerrejja u l-kredituri permezz tal-ħolqien ta’ reġistru internazzjonali f’dan is-settur.

Fil-preżent, pajjiżna għandu score ta’ 95—riżultat li huwa meqjus bħala wieħed għoli ħafna f’din l-industrija.

F’EBACE, il-Ministru ltaqa’ ma’ diversi stakeholders fis-settur hekk kif fih jipparteċipaw mijiet ta’ esebituri u mexxejja mill-qasam tal-kummerċ, tal-manifattura, uffiċjali ta’ gvernijiet, impjegati mill-qasam, kumpaniji tal-leasing u msieħba, kemm mill-Ewropa kif ukoll minn madwar id-dinja. Waqt il-konvenzjoni, il-mexxejja tal-avjazzjoni kummerċjali jixtarru l-innovazzjoni u l-investiment li qegħdin imexxu l-industrija lejn il-futur, bl-avvanzi fil-mobilità fl-ajru, titjir sostenibbli u l-iżvilupp tal-ħaddiema.

Il-Ministru Farrugia qal li l-Ministeru, flimkien mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, qed ikomplu jsaħħu il-prospetti futuri tal-avjazzjoni f’Malta. Fil-fatt, riċentament tħabbar li r-reġistru Malti kważi jlaħħaq is-700 ajruplan li jtajjar il-bandiera 9H.

Ftit ġranet wara tħabbar ukoll li wara negozjati twal, WizzAir se tkun qed twaqqaf linja tal-ajru bbażata f’Malta. Kif sostna l-Ministru Aaron Farrugia, dan juri biċ-ċar kif Malta qed tkun il-ġurisdizzjoni tal-għażla għal ħafna operaturi li jaħdmu fis-settur tal-avjazzjoni.

Dan huwa tkabbir li jsaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna u li joħloq impiegi ġodda u ta’ kwalità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com