Mario Cutajar Jirtira Minn Kap Tas-Servizz Pubbliku

 Mario Cutajar Jirtira Minn Kap Tas-Servizz Pubbliku

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, ħabbar li se jkun qed jirtira bl-età mill-kariga ta’ Kap tas-Servizz Pubbliku fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Huwa qal dan f’diskors li għamel fl-aħħar konferenza li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022. Il-Prim Ministru Robert Abela, li indirizza l-istess konferenza, iddeskriva lil Mario Cutajar bħala bniedem leali, struwit u kolt li huwa ffukat fuq fejn jixtieq jasal u kif se jimplimenta dak li jrid jasal għalih.

Is-Sur Cutajar spjega li f’Settembru li għadda huwa kien għarraf lill-Prim Ministru li wasal għall-età tal-pensjoni u li xtaq li jirtira. Huma qablu li s-Sur Cutajar iħalli dik il-leġiżlatura tispiċċa u jgħin biex il-gvern il-ġdid jidħol f’postu. Is-Sur Cutajar qal li issa hu l-mument opportun li jħalli l-kariga, hekk kif ninsabu fil-bidu ta’ leġiżlatura ġdida, u allura ta’ programm ġdid tal-gvern, u fil-bidu tat-twettiq tal-istrateġija l-ġdida għas-Servizz Pubbliku.

Is-Sur Cutajar se jkun qed itemm karriera ta’ 46 sena fis-Servizz Pubbliku, li matulha ħadem f’diversi dipartimenti tal-gvern u entitajiet parastatali. Għal xi żmien kien jirrappreżenta wkoll lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku fil-General Workers’ Union.

Huwa sar Kap tas-Servizz Pubbliku fl-2013, f’dik li kienet l-ewwel ħatra li saret mal-bidla fil-gvern. Fiż-żmien li dam jokkupa l-ogħla kariga fiċ-Ċivil, saru bidliet kbar fis-Servizz Pubbliku. Dan it-tiġdid ġie elenkat fit-textbook Public Service Reforms in a Small Island State: The Case of Malta. L-aħħar biċċa xogħol kbira li ħadem fuqha s-Sur Cutajar bħala Kap tas-Servizz Pubbliku kienet it-tfassil u t-tħejjija tal-istrateġija l-ġdida u ħolistika ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’, mifruxa fuq ħames snin, li t-twettiq tagħha ngħata bidu għalih matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.

Waqt li ħabbar l-irtirar tiegħu f’diskors li ntlaqa’ bi standing ovation mill-uffiċjali pubbliċi preżenti, is-Sur Cutajar radd ħajr liż-żewġ prim ministri li ħatruh għall-fiduċja li wrew fih. Huwa qal li kien ta’ privileġġ għalih li jagħti sehmu biex is-Servizz Pubbliku nbidel minn wieħed li kien issue elettorali għal wieħed li l-kotra assoluta tal-poplu għandha fiduċja fih u hija kuntenta bih.

“Kien ta’ privileġġ għalija li naħdem ma’ bosta oħrajn biex illum m’għadux kollox jgħodd għas-Servizz Pubbliku; biex illum in-nies jieħdu servizz aħjar u ma jterrqux minn uffiċċju għal ieħor; biex illum is-Servizz Pubbliku huwa leader f’diversi oqsma fis-soċjetà li ngħixu fiha. Jekk inħarsu lura lejn x’għamilna flimkien, tabilħaqq jgħodd dak li ntqal li qatt fl-istorja taċ-Ċivil ma saru daqstant bidliet fi żmien daqshekk qasir,” qal is-Sur Cutajar.

Huwa elenka wħud minn dawn il-bidliet, fosthom il-ġbir taħt saqaf wieħed tas-servizzi governattivi f’one-stop-shops imxerrdin ma’ kullimkien; il-ġbir tas-servizzi f’sit online; l-għoti ta’ servizz effiċjenti minn fuq it-telefown u saħansitra b’sistema ta’ callback; it-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi; it-twettiq fil-prattika tal-kontabbiltà permezz ta’ pubblikazzjonijiet annwali dwar it-twettiq tal-miżuri tal-Baġit u r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ skrutinju; l-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv ġenerali tax-xorta tiegħu; u liġi ġdida dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.

“Se nħalli din il-pożizzjoni sodisfatt li rnexxielna flimkien nibdlu s-Servizz Pubbliku. Se nħalli din il-pożizzjoni kuntent bis-suċċessi li flimkien irnexxielna niksbu. Se nħalli din il-pożizzjoni konvint li s-Servizz Pubbliku huwa aħjar milli sibtu. Se nħalli din il-pożizzjoni fiduċjuż li għamilna biżżejjed biex ta’ warajna se jagħmlu aktar milli għamilna aħna. Flimkien wasalna!” temm jgħid is-Sur Cutajar.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela radd ħajr mill-qalb lil Mario Cutajar għall-ħidma tiegħu. Qal li fih dejjem sab bniedem li parir jagħtih bla kantunieri, bniedem leali, struwit u kolt li tieħu gost tħabbat l-ideat miegħu u tieħu gost taħdem miegħu, għax huwa ffukat fuq fejn jixtieq jasal u kif se jimplimenta dak li jrid jasal għalih.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com