Rabtuh Minn Idejh, Serqu L-Flus U Ħarbu – Il-Pulizija B’Tfittxija Għal Tliet Irġiel Li Wettqu Hold Up F’Birkirkara
Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għal tliet irġiel li wettqu hold up.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-7am, meta l-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa fi Triq Karm Żerafa, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara u tar-Rapid Intervention Unit marru fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li tliet irġiel mgħammda u armati b’armi tan-nar daħlu f’garaxx, li dak il-ħin fuq ġewwa kien hemm raġel ta’ 53 sena.
Jidher li l-aggressuri rabtuh minn idejh, serqu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u ħarbu minn fuq il-post.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jagħti l-għajnuna lill-vittma minħabba li kien qiegħed isofri minn xokk.
Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħallelin, waqt li l-investigazzjoni qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.