Skopri Iktar Fuq Id-Dinja Ta’ Madwarna Ma’ Ġina U L-Esploraturi!

 Skopri Iktar Fuq Id-Dinja Ta’ Madwarna Ma’ Ġina U L-Esploraturi!

Tixtieq li t-tfal tiegħek jiskopru aktar dwar id-dinja ta’ madwarna? Trid li jitgħallmu aktar dwar ix-xjenza u l-misteri diversi tan-natura? Toqgħodx tinkwieta, Ġina u l-Esploraturi żgur li ħa jgħinuk!

Ix-xjenza hija qasam vast, u jaf tkun ftit ikkumplikata għall-ewwel, iżda Ġina u l-Esploraturi, programm li jixxandar fuq TVM kull nhar ta’ Erbgħa fit-3.10pm, żgur li jgħin lil kulħadd jifhem ħafna mill-fenomeni tad-dinja tax-xjenza.

It-tieni staġun tal-programm beda fis-6 ta’ April u se jibqa’ għaddej sa nofs Lulju.

Matul dan il-programm, Ġina, li hija l-karattru prinċipali, tiltaqa’ ma’ diversi Esploraturi u tistaqsihom mistoqsijiet li jibagħtulha t-tfal. Minn kif tista’ tuża x-xjenza fil-kċina u kif titkejjel ix-xita għal kif jinħadmu l-films u kif żviluppat it-teknoloġija. Il-mistoqsijiet huma varji u żgur li ser jolqtu l-interessi differenti tat-telespettaturi tal-programm.

Fit-tieni staġun naraw kif l-Esploraturi jużaw metodi differenti biex jgħaddu l-passjoni li għandhom lejn ix-xjenza. Jużaw esperimenti, intervisti, sfidi u stejjer, kif ukoll attivitajiet sempliċi li jistgħu jsiru d-dar, kemm mit-tfal waħedhom, kif ukoll mal-familja. Għax fuq kollox, kurżità xjentifika m’għandhiex età!

Dan il-programm ġie kreat bil-mira li jagħmel il-qasam tax-xjenza iktar interattiva, kif ukoll jinkoraġġixxi lit-tfal biex ikunu iktar eċitati fuq il-meravilji tad-dinja, filwaqt li jqanqlu l-immaġinazzjonijiet tagħhom u ma jiddejqux jistaqsu mistoqsijiet fuq dak kollu ta’ madwarhom.

Għandek issib il-programm Ġina u l-Esploraturi ferm interessanti. B’hekk biex tkompli tesplora x-xjenza ta’ madwarna, inħeġġuk tiġi mal-familja tiegħek ġewwa l-Esplora fejn tkunu tistgħu tinteraġixxu ma’ iktar minn 200 esebit u tipparteċipaw f’xows varji addattati għal kull età.

Aktar informazzjoni dwar Ġina u l-Esploraturi, kif ukoll l-episodji tal-ewwel staġun, jistgħu jinstabu fuq is-sit: https://esplora.org.mt/gina-u-l-esploraturi/?lang=mt

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com