Spezzjonijiet Mill-Pulizija F’Paceville U San Ġiljan Iwasslu Għall-Arrest Ta’ Żewġ Persuni
Matul il-lejl li għadda waqt spezzjonijiet li jsiru regolarment fl-inħawi ta’ Paceville minn diversi skwadri tal-Pulizija, il-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb arrestaw żewġt irġiel fuq każijiet separati wara li dawn instabu fil-pussess ta’ diversi sustanzi allegatament droga.
F’parkeġġ fi Triq San Ġorġ, il-Pulizija nnutaw persuna li bdiet taġixxi b’mod suspettuż u minn tfittxijiet li saru fuqu nstabet borża żgħira bi tliet qratas, suspettata kokaina. Waqt l-arrest, ir-raġel sar aggressiv u pprova jimbotta lill-uffiċjali u anke prova jeqred s-sustanza.
Fi Triq Santu Wistin, il-Pulizija nnutaw li fuq mejda, barra stabbiliment, kien hemm raġel jabbuża minn sustanza suspettata droga kokaina. Malli r-raġel induna bil-preżenza tagħhom ipprova jeħles mis-sustanza, madanakollu huwa ġie arrestat mill-ewwel. Saru tfittxijiet fuqu u nstabu iktar sustanzi, suspettati kokaina, eroina, kannabis u xi pilloli suspettati ecstasy.
Aktar tard waqt ronda fi Triq Dragonara, il-Pulizija lemħu raġel joħroġ jiġri b’mod suspettuża minn vettura. Wara li waqfuh il-Pulizija nnutaw li l-vettura li kien qed jagħmel użu minnha, kellha l-liċenzja u l-polza tal-assigurazzjoni mhumiex validi.
Dawn l-ispezzjonijiet wasslu ukoll biex diversi persuni ġew imħarrka fuq ksur ta’ regolamenti oħra, fosthom kontravenzjonijiet tat-traffiku.