Tliet Kunsilli Lokali Jibbenefikaw Mill-Iskema Għall-Manutenzjoni U Sostenn Ta’ Proġetti Infrastrutturali Li Twettqu Mill-Gvern

 Tliet Kunsilli Lokali Jibbenefikaw Mill-Iskema Għall-Manutenzjoni U Sostenn Ta’ Proġetti Infrastrutturali Li Twettqu Mill-Gvern

“Għat-tielet sena konsekuttiva qed jiġu allokati fondi sabiex proġetti infrastrutturali maġġuri li ġew imwettqa mill-gvern ċentrali fil-komunitajiet tagħna, jiġu miżmuma fi stat tajjeb. Il-kunsilli lokali tal-Ħamrun, tal-Mellieħa u ta’ Għajnsielem qed jingħataw madwar €123,000 f’fondi bħala parti minn din l-iskema”, ħabbret is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt konferenza stampa.

Ġie spjegat li meta l-gvern ċentrali jwettaq proġetti maġġuri fil-lokalitajiet, dawn il-proġetti mbagħad ikunu jridu jiġu miżmuma fi stat tajjeb mill-kunsilli lokali rispettivi. Minħabba li l-manutenzjoni ta’ dawn il-proġetti tinvolvi spejjeż kbar, inħass il-bżonn li tibda tinħareġ din l-iskema biex tgħin finanzjarjament lill-kunsilli lokali sabiex iżommu dawn il-proġetti fi stat tajjeb.

“Dan il-fond għalhekk huwa mezz sabiex jassigura li ssir il-manutenzjoni meħtieġa u għaldaqstant titjieb ukoll il-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” qalet Alison Zerafa Civelli.

Il-proġetti li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi huma: il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun se jżid l-aċċessibilità f’pont fil-Ħamrun; il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jirrestawra binja fil-Park tal-Familja; filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem se jirrestawra latrina pubblika.

Is-segretarju parlamentari ħabbret ukoll li għal din is-sena ġew allokati €300,000 għall-ħruġ mill-ġdid ta’ din l-iskema.

Waqt din il-konferenza stampa kien hemm preżenti s-sindki rispettivi tat-tliet kunsilli lokali kif ukoll rappreżentanti tad-Direttorat għall-Gvern Lokali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com