Aqra D-Diskors Tal-Prim Ministru Malli Ħarġet L-Aħbar Li Malta Ħarġet Mil-Lista L-Griża

 Aqra D-Diskors Tal-Prim Ministru Malli Ħarġet L-Aħbar Li Malta Ħarġet Mil-Lista L-Griża

“Insellmilkom.

 

Illum kellna konferma oħra tal-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tkompli timmodernizza lil dan il-pajjiż, mhux l-anqas fil-qasam tal-governanza tajba kif ukoll fil-ħidma tal-istituzzjonijiet.

Konferma oħra ta’ gvern riformista, impenjat li jwettaq dak li jwiegħed.

Sodisfatt, li kif tħabbar uffiċjalment ftit tal-ħin ilu mill-President tal-FATF Dr Marcus Pleyer, fil-plenarja li nżammet din il-ġimgħa ġie deċiż li Malta għandha titneħħa minn fuq il-greylist.

Id-deċiżjoni tal-FATF tgħid li pajjiżna wettaq il-pjan ta’ azzjoni li kien maqbul f’Ġunju tal-2021, u dan ġie implimentat fi tnax-il xahar biss.  Din hija l-ikbar xhieda ta’ kif ir-riformi f’dan is-settur kienu diġà bdew, u sar hekk għaliex tassew nemmnu fihom. Dan il-proċess kien sfida li llum irnexxielna ndawruha fi prova oħra ta’ kemm pajjiżna huwa ġuriżdizzjoni serja. Infurmat illi waqt il-proċess tal-plenarja li nżamm din il-ġimgħa, il-każ ta’ Malta kien deskritt bħala ‘a success story’.

Is-sena li għaddiet il-FATF kienet identifikat żewġ areas prinċipali għal dan il-pjan ta’ azzjoni. Wieħed minnhom kien marbut mal-mod kif nikkontrollaw u nikkumbattu l-evażjoni tat-taxxa u s-settur l-ieħor kien il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza b’rabta ma’ entitajiet legali u tagħrif dwar il-beneficial owners ta’ kumpaniji.

Dakinhar, sena ilu, għidt li konna impenjati b’serjetà li nwettqu dawn ir-riformi u li iktar minn hekk konna deħlin f’perjodu li ried juri li r-riformi li għamilna minn Jannar tal-2020 il quddiem kienu effettivi, iżda kienu wkoll sostenibbli. Fuq kollox, dawn ir-riformi wasslu għal bidla kulturali ta’ pajjiż li kien determinat li jilħaq standards ġodda.

Hemm min qal li ma missna qatt kellna rapport negattiv tal-Moneyval u s-sussegwenti tqegħid ta’ pajjiżna ġewwa l-greylist. Jien wieħed minn dawk illi nemmen hekk ukoll.

Kien għalhekk li meta ngħatajt il-fiduċja bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, f’Jannar tal-2020, u sibt rapporti sussegwenti tal-Moneyval li kienu negattivi, hemmhekk tajt direzzjoni ċara li dawn ir-rapporti kellhom ikunu indirizzati. Ċertament li tajt direzzjoni differenti minn dik li jien mgħarraf li kienet tingħata, saħansitra sa minn qabel l-2013, illi dawn ir-rapporti kienu jinxteħtu fuq l-ixkaffa għaliex it-theddida li nispiċċaw fil-greylist kienet waħda li ma timmaterjalizza qatt. Jien qatt m’emmint hekk.

Għalhekk għamilna dawn ir-riformi, mhux għax qalilna xi ħadd hekk minn barra, imma għaliex konna konvinti mill-ħtieġa tagħhom, anka bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Konna konvinti wkoll mill-ħtieġa ta’ dawn ir-riformi għaliex nafu  x’pajjiż irridu nħallu lil uliedna. X’legat irridu nħallu lil uliedna. Fil-fatt, dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu mhux biss indirizzati imma kienu indirizzati fi żmien rekord.

B’hekk, il-proċess li għaddejna mal-FATF kien l-aħħar parti ta’ dan il-proċess li llum jagħtina konferma ta’ kemm għandna ġuriżdizzjoni serja. Ġuriżdizzjoni b’saħħitha li mhux biss wettqet ir-riformi, iżda li se tibqa’ tkun attraenti għall-investituri kollha.

Bħala Prim Ministru wegħedt li rrid nara lil pajjiżna jikber u jwettaq ir-riformi. Fl-aħħar 30 xahar implimentajna bidliet bla preċedent li se nkomplu nibnu fuqhom. Se nkomplu r-riformi b’mod sostenibbli.

Għamilna u se nibqgħu nagħmlu sforzi sinjifikanti sabiex indaħħlu kultura ta’ impenn u aktar għarfien, sabiex niġġieldu, b’mod partikolari, kontra l-kriminalità ta’ ċertu portata, kontra l-kriminalità organizzata, u se nkunu qed nibqgħu naċċennaw ukoll fuq dawk il-forom ta’ kriminalità li l-aktar jikkonċernaw lill-FATF kif ukoll lil Moneyval, jiġifieri l-kwistjoni tal-ħasil ta’ flus u tal-finanzjament għat-terroriżmu.

Filwaqt li tajna direzzjoni politika ċara, l-bidliet li saru fl-aħħar snin ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ħidma dedikata ta’ ħafna istituzzjonijiet ġewwa pajjiżna. 

Ħa nibda b’ringrazzjamenti hawnhekk. Lill-FIAU, immexxija mis-Sur Kenneth Farrugia, lill-Korp tal-Pulizija, immexxi mill-Kummissarju Angelo Gafa bl-assistenza tad-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo, lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mmexxi minn Dr Victoria Buttigieg, lill-Malta Business Registry, fuq quddiemnett il-Kap Eżekuttiv Gerladine Spiteri Lucas, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, llum immexxi mis-Sur Joe Caruana, kif ukoll lill-MGA, immexxija minn Karl Brincat. Naturalment meta qed nirringrazzja lill-Kapijiet ta’ dawn l-Entitajiet, qiegħed nirringrazzja wkoll lit-teams kollha tagħhom, li ħadmu bla waqfien biex seta’ kellna r-riżultat illi ġie mħabbar illum.

Ħa nkun ċar ħafna fuq dan il-punt. Għandi fiduċja sħiħa fihom u sens ta’ rikonoxximent lejn il-ħafna ħidma li huma wettqu.

Din kienet ħidma konġunta bejn l-awtoritajiet rispettivi, fejn kull waħda minnhom implimentat il-pjani komprensivi tagħha u għamlu ċert li jkun hemm approċċ li kien wieħed koerenti, koordinat u effettiv matul il-proċess kollu.

Dan kien kruċjali ferm għalina sabiex naslu għall-għanijiet tagħna u min-naħa tagħna għamilna wkoll l-mira lilna nfusna illi naslu għal dawk l-għanijiet li kienu maqbula fil-pjan ta’ azzjoni, fl-iqsar żmien possibbli.

Komplejna ninvestu fl-awtoritajiet tagħna għaliex emminna fihom u afdajniehom u se nkomplu nafdawhom sabiex ikomplu fil-ħidma importanti li qed iwettqu.

Is-serħan il-moħħ tiegħi u l-fiduċja f’dawn l-awtoritajiet jiġu mill-mod kif narahom jaħdmu, ħafna drabi fis-skiet. Dan is-sens ta’ fiduċja fihom jiġi ukoll minn dak li nisma’ dwarhom anke f’laqgħat li jkolli ma’ msieħba internazzjonali, li ma kienux f’okkażjoni waħda jew tnejn illi faħħruhom pubblikament, anke tal-mod preparat illi jindirizzaw is-suġġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Ir-riżultat tal-lum huwa konferma oħra tal-ħila, l-integrità, kif ukoll is-serjetà tagħhom.

Nixtieq nirringrazzja minn hawnhekk ukoll lill-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali biex jiġi Miġġieled Il-Ħasil ta’ Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Kumitat li bit-tmexxija tas-Sur Alfred Camilleri kkordina b’suċċess dan l-isforz nazzjonali.

Ħajr ukoll lill-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tiegħi Glenn Micallef, għall-mod abbli u metikoluż ħafna kif segwa u kkordina dan il-proċess mid-diversi aspetti tiegħu, kif ukoll lit-tim legali tal-OPM għall-assistenza tagħhom, partikolarment fl-aspett li kien jikkonċerna l-abbozzar tad-diversi liġijiet illi riedu jsiru biex nindirizzaw il-pjan ta’ azzjoni.

Kien proċess fejn matulu żammejna djalogu kontinwu ma’ pajjiżi oħra. Illum, wara li għaddejnieh, aħna mhux biss impenjati li nkomplu bil-ħidma tagħna f’dawn l-oqsma, iżda nistgħu naqsmu ukoll l-għarfien tekniku illi ksibna mal-counterparts barranin. Xi ħaġa li anke esprimew l-esperti internazzjonali li tkellimna magħhom tul dan il-proċess.

Fuq kollox, nemmen li r-riżultat tal-lum huwa xhieda oħra ta’ meta naħdmu bħala tim Malta  – nistgħu niksbu riżultati li huma importanti anke fil-fora internazzjonali.

U hawn l-ispirtu ta’ tim Malta, jiġifieri spirtu ta’ tim kumpatt, magħqud, ħaddimnih bis-saħħa. 

Kien għalhekk li tul il-proċess żammejna diskussjonijiet regolari ma’ rappreżentanti mill-industriji. Fosthom rappreżentanti mis-settur tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji, l-professjoni notarili, mill-Malta Bankers’ Association, l-Institute of Financial Services Practitioners, il-Malta Institute of Taxation u l-Malta Institute of Accountants. Il-Kamra tal-Kummerċ u msieħba soċjali oħra fl-MCESD kienu ukoll infurmati jew involuti b’dak li konna qed naħdmu fuqu, u sibna koperazzjoni u kordinazzjoni sħiħa min-naħa tagħhom.

Dan kollu għamilnieh f’mument fejn pajjiżna kien qed jiffaċċja pandemija u eventwalment bdiet il-Gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, u ċertament li dan ma kienx sfond faċli illi wieħed jaħdem fih.

Iżda bqajna għaddejjin bil-bidliet. Filwaqt li kkonċentrajna sew fuq il-bidliet fil-qasam tal-governanza tajba u l-bidliet li kien jirrikjedi r-rapport Moneyval, kif ukoll il-bidliet li kien jirrikjedi l-action plan,  fl-istess waqt ma naqqasniex l-enfasi tal-ħidma fuq setturi li huma importanti ħafna għall-pajjiż. Insemmi hawnhekk ir-riformi li għamilna fil-qasam soċjali, il-ħolqien tax-xogħol, kif ukoll il-miżuri illi tajna u ser nibqgħu nagħtu biex nilqgħu għall-fenominu tal-inflazzjoni fil-kuntest tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. 

Fl-istess ħin, komplejna niksbu iktar riżultati. Riżultati li ksibniehom għaliex fl-ebda ħin qatt ma qtajna l-fiduċja f’pajjiżna. Dan pajjiż illi konvint li għandu futur sabiħ, illum aktar minn qatt qabel. Dan pajjiż fejn tista’ taħdem, fejn tista’ tinvesti u fejn se tibqa’ ssib ħafna appoġġ sabiex tkun tista’ taħdem u tinvesti. Kif dejjem għidt, l-emfasi kienet fuq sistemi robusti li jirressistu u jiġġieldu l-kriminalità. Ebda witch hunt fuq negozji leġittimi, kif kien hawn min prova jagħti x’jifhem.

Għax żammejna l-fiduċja bqajna nikbru u qed nirkupraw b’saħħa mill-effetti tal-pandemija.  Aġenziji tal-Kreditu, waħda wara l-oħra, komplew ipoġġu lill-pajjiżna b’rating A. It-tbassir ekonomiku għal li ġej baqa’ wieħed b’saħħtu u rajna kif is-sena li għaddiet it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna laħaq l-għaxra fil-mija, filwaqt fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kważi tmienja fil-mija. 

Mhux talli t-tkabbir ekonomiku baqa’ jissaħħaħ, iżda rnexxielna nilħqu livelli bla preċedent ta’ impjiegi inklużi fis-servizzi finanzjarji u s-setturi tal-gaming. Preżentament, in-numru ta’ impjegati fis-settur finanzjarju huwa ta’ 5% aktar minn meta ġie maqbul il-pjan ta’ azzjoni. Fl-industrija tal-gaming in-numru ta’ impjegati huwa 4% aktar min-numru ta’ impjegati f’Ġunju tal-2021.

Barra minn hekk, il-valur miżjud fis-qasam tas-servizzi finanzjarji fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien l-ogħla wieħed li qatt ġie rreġistrat – 4% aktar milli kien is-sena li għaddiet. Is-settur tal-gaming ukoll jinsab fl-ogħla livell – dak ta’ 9% aktar mis-sena li għaddiet.

Imma issa rridu nħarsu l quddiem.

L-għan tagħna huwa li nassiguraw s-sostenibbiltà tal-miżuri illi implimentajna. Qatt iktar pajjiżna m’għandu jerġa jispiċċa f’lista bħal din.

Fuq kollox se naraw li fiż-żmien li ġej noħolqu aktar opportunitajiet biex il-privat jinvesti, anke b’sinerġiji mal-gvern, u jinvesti flusu ħalli joħloq investiment u xogħol ta’ kwalità.

Il-mandat ġdid u b’saħħtu li ngħatajna mill-elettorat f’Marzu li għadda, imliena b’aktar ħeġġa  u b’iktar determinazzjoni biex inkomplu mmexxu `l quddiem lil dan il-pajjiż.

Hemm fejn bdejna naslu u allura rridu nsostnu dak li ksibna.

Iżda hemm oqsma fejn irridu naħdmu iżjed biex naslu u se nkunu qed naħdmu iżjed sabiex naslu f’dawn l-oqsma.

Sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikollna pajjiż aħjar. Dak il-pajjiż li verament jixraq lil uliedna u lilna.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com