€120 Miljun Dħul Minn Koperattivi F’Pajjiżna
Il-koperattivi f’pajjiżna jiġġeneraw €120 miljun fi dħul fis-sena. Dawn l-40 koperattiva jfissru 5,000 familja f’pajjiżna li l-għajxien tagħhom jiddependi propju mill-koperattivi. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet imnedija r-rebranding ta’ Koperattivi Malta.
Koperattivi Malta llum għandha taħtha ’l fuq minn 40 koperattiva minn setturi varji, setturi li jvarjaw minn dawk tradizzjonali bħalma huma l-biedja u s-sajd għal oħrajn aktar moderni bħal kumpaniji tal-marketing, konsulenzi, trasport, teknoloġija, informatika, edukazzjoni, arti u kultura.
Il-Ministru Silvio Schembri sostna li jridu jaraw aktar sidien ta’ negozji jingħaqqdu f’koperattiva, hekk kif dan huwa business model aktar reżiljenti. “Anke l-esperjenza tal-pandemija urietna kemm negozji li kienu aktar reżiljenti, rnexxielhom jirkupraw ferm aktar malajr. Kien grazzi għall-ekonomija reżiljenti, flimkien mal-miżuri ekonomiċi li ħadna, li pajjiżna llum qiegħed jirkupra b’rata mgħaġġla. Huwa grazzi għal dawn il-fatturi wkoll li f’pajjiżna mhux talli ma żdiedtx ‘il qgħad talli f’April dawk li jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna naqsu taħt l-elf persuna. Dan kollu wassal biex matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, pajjiżna ra tkabbir ekonomiku ta’ 7.6%, ferm aktar mill-medja taż-żona ewro li hi ta’ 5.1%,” tenna l-Ministru Silvio Schembri.
Il-Ministru Schembri qal li se jkun qed jingħata appoġġ lill-Koperattivi Malta sabiex iħeġġu aktar negozji jingħaqqdu f’koperattiva li jwassal sabiex ikunu aktar reżiljenti u b’hekk jiżguraw futur aħjar.