Fond Ta’ €100,000 Għal Studji Avvanzati Fl-ICT
L-għanijiet prinċipali ta’ din l-iskema huma li jkun hemm assistenza għan-nies biex isegwu livelli għoljin ta’ riċerka akkademika fl-intelliġenza artifiċjali u information security.
Dan apparti li jonqos l-iżbilanċ fil-ħiliet, b’mod partikolari fis-setturi ekonomiċi u teknoloġiċi, li jinkludu ż-żewġ elementi msemmija, ikun hemm iktar appoġġ għar-riċerka fix-xjenza u t-teknoloġiji innovattivi, u tikber il-kapaċità u l-livell ta’ riċerka, innovazzjoni u żvilupp f’Malta.
“F’Malta hawn 56% tal-popolazzjoni b’mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi, filwaqt li mal-40% biss għandhom ħiliet li huma kkunsidrati ‘l fuq mill-ħiliet diġitali bażiċi. Xi 58% għandhom ħiliet bażiċi tas-software u 4.4% biss ta’ dawn l-impjegati huma speċjalisti tal-ICT”, innota l-Ministru Schembri.
Kull applikant jista’ jgawdi minn massimu ta’ €10,000 tul il-kors kollu.
Is-sena li għaddiet kien hemm 13-il student li bbenefikaw mill-iskema Pathfinder, li numru minnhom għamlu l-istudji tagħhom barra minn Malta, inkluż fl-Istati Uniti.
Il-Ministru Silvio Schembri ħeġġeġ lill-istudenti tal-ICT biex ikomplu jispeċjalizzaw fl-istudji tagħhom f’suġġetti li qegħdin isiru dejjem aktar importanti fid-dinja tax-xogħol.
Kenneth Brincat, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, qal li dawn it-tip ta’ inizjattivi jiffurmaw parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali u l-MDIA hija responsabbli biex tara li l-istrateġija tiġi implimentata.
Aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ japplika għal dan il-fond tinsab fuq mdia.gov.mt/pathfinder/.