Ilbieraħ Bdew Il-festi Tal-Imnarja Fil-Buskett Bil-Qofol Ikun Illum

 Ilbieraħ Bdew Il-festi Tal-Imnarja Fil-Buskett Bil-Qofol Ikun Illum

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, ilbieraħ fetaħ b’mod uffiċjali l-attivitajiet li mmarkaw il-festa Maltija tal-Imnarja fil-Buskett.

Il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Imnarja bdew permezz ta’ parata bil-karozzini u karrettuni li bdiet mir-Rabat ta’ Malta lejn il-Buskett, fejn hemmek imbagħad ingħatat bidu għal esebizzjoni ta’ frott u ħaxix, kif ukoll esebizzjoni ta’ tjur, fniek, klieb, żwiemel u annimali indiġeni.

Kien hemm ukoll programm sħiħ ta’ Għana tradizzjonali fuq il-palk prinċipali.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Anton Refalo qal li l-Imnarja sservi ta’ vetrina b’saħħitha għall-prodott lokali tal-bdiewa u r-raħħala, li f’dawn il-jiem ukoll jiċċelebraw il-ħidma u l-bżulija tagħhom.

Hawnhekk huwa tkellem ukoll dwar kif “il-gvern, anke permezz ta’ investiment massiċċ, qed ikun ta’ spalla għall-bdiewa u raħħala anke minħabba d-diversi fatturi li d-dinja affaċċjat jew qed taffaċċja.”

Il-ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti fl-organizzazzjoni tal-festa tal-Imnarja sabiex setgħet terġa’ tkun immarkata fil-kalendarju kulturali ta’ din is-sena u stieden lill-familji kollha sabiex jattendu għal dawn l-attivitajiet li żgur jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com