Ftehim Sabiex Issir Aktar Riċerka Fuq Il-Ġifen Puniku Li Jinsab ’Il Barra Mill-kosta Tax-Xlendi

 Ftehim Sabiex Issir Aktar Riċerka Fuq Il-Ġifen Puniku Li Jinsab ’Il Barra Mill-kosta Tax-Xlendi

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta biex jitkomplew l-istudji fuq il-ġifen Puniku li jinsab ’il barra mill-kosta tax-Xlendi. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed jikkommetti 140,000 sabiex issir aktar riċerka fuq il-ġifen Puniku.

Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li din l-iskoperta timmerita l-attenzjoni kollha biex tkompli tixħet aktar dawl fuq kif kienu jgħixu, jissoċjalizzaw u jinnegozjaw l-antenati tagħna.

“Il-Gvern qed ikompli jiffinazja din l-esplorazzjoni li kull ma jmur qed tkompli tagħti riżultati sorprendenti u li żgur se tkun ta’ għajnuna għall-istoriċi u akkademiċi, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, u dan peress li din l-iskoperta qed tkompli tqanqal l-interess barra minn xtutna,” sostna l-Ministru Camilleri.

Il-Ministru qal li l-Gvern jibqa’ kommess lejn din l-esplorazzjoni unika fil-Mediterran u jittama li l-ħolma ta’ bosta, dik li eventwalment il-ġifen jittella’ u jiġi esebit, tirnexxi fis-snin li ġejjin.

Il-Professur Alfred Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, qal li din ir-riċerka hi ta’ unur għall-Università u tkompli ssostni l-missjoni tagħha billi b’mod konkret l-Università qed turi l-preżenza tagħha qalb is-soċjetà. Ir-Rettur, filwaqt li rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li qed jemmen bis-sħiħ f’dan il-proġett, awgura li matul is-snin li ġejjin isiru aktar skoperti interessanti u li jagħtu aktar dawl fuq l-epoka msemmija.

Dan il-ftehim se jassigura li x-xogħol ta’ riċerka fuq dan ix-xini Puniku jitkompla matul l-erba’ snin li ġejjin fejn se jsir xogħol ta’ konservazzjoni, dokumentazzjoni u riċerka fost l-oħrajn minn tim ta’ esperti lokali u internazzjonali mmexxija mill-Professur Timmy Gambin fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Ritratti: MGOZ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com