Ħabta bejn Diversi Vetturi
Illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fil-Marsa Ħamrun Bypass.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur BMW 1100 misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti s-Swieqi, Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 19-il sena residenti l-Mosta u trakk tal-għamla Dennis misjuq minn raġel ta’ 51 sena residenti l-Marsa.
Maruti misjuqa minn raġel ta’ 54 sena, li kienet għaddejja minn fuq il-post, ġarrbet xi ħsarat waqt l-inċident peress li ntlaqtet minn biċċiet tal-vetturi involuti fl-inċident.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal- mutur l-Isptar Mater Dei għallaktar assistenza medika. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.