Ikigai Ventures Tħabbar L-Ewwel Investiment
Ikigai Ventures, il-fond ta’ €20 miljun seed-stage immexxi mill-imprenditur Malti Eman Pulis ħabbar l-ewwel investiment tiegħu, u qed jingħaqad mal-finanzjament tas-Serje A fil-kumpanija Żvediża tat-teknoloġija sportiva Triggy. Imwaqqfa fl-2017, il-prodotti avvanzati ta’ Triggy jagħmluha possibbli għall-isportsbooks, l-affiljati, it-timijiet sportivi, u l-kumpaniji tal-midja biex jakkwistaw, jimpenjaw ruħhom u jerġgħu jimmiraw lill-utenti b’mod effettiv billi jwasslu kontenut rilevanti fil-ħin it-tajjeb. Il-prodotti ta’ Triggy huma disponibbli f’diversi lingwi permezz ta’ Widgets dinamiċi u li huma konxji mill-kuntest, standalone branded live-score apps, u soluzzjoni SaaS integrata.
Pulis, li huwa magħruf l-aktar bħala l-fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Sigma World, li torganizza avvenimenti għas-setturi tal-gaming, AI, blockchain u medtech madwar id-dinja, qal, “Ikigai Ventures inħolqot speċifikament biex tgħin lin-negozji fis-setturi emerġenti jaċċelleraw l-iżvilupp u t-tkabbir tagħhom. Grazzi għan-netwerk li Sigma bniet matul dawn l-aħħar għaxar snin, kapaċi noffru investiment finanzjarju u ngħaqqdu kumpaniji ma’ mijiet ta’ klijenti potenzjali. Dan huwa l-mudell li qed nadottaw ma’ Triggy, kumpanija li qegħda minn ta’ quddiem nett fl-użu tat-tagħlim tal-magni u l-AI fis-settur tal-imħatri sportivi.”
Stefan Thunberg, Ko-fundatur ta’ Triggy, qal, “Triggy hi ddedikata biex tipprovdi lill-industrija tal-logħob bi prodotti effettivi mmexxija mid-dejta li jgħaqqdu dejta tal-isports, live odds u għarfien tal-utenti biex jimpenjaw ruħhom u jipprovdu esperjenza aħjar tal-utent għall-partitarji u l-imħatri. Il-pjattaforma unika tagħna ta’ personalizzazzjoni qed tkompli tevolvi. B’dan l-investiment il-ġdid minn Ikigai Ventures, flimkien mal-aċċess għan-netwerk inkredibbli ta’ Sigma, issa ninsabu f’pożizzjoni mill-aqwa biex inwasslu lil Triggy għal-livell li jmiss.”
Wara li kienet imwaqqfa lejn l-aħħar tal-2021, Ikigai Ventures daħlet ukoll żewġ imsieħba ġodda b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza f’investiment ta’ kapital ta’ riskju. Vinícius Moraes de Carvalho u Daniele Calzolari, li ngħaqdu fi Frar 2022, qed imexxu l-proċess ta’ identifikazzjoni u konklużjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ investiment f’isem il-bord divers ta’ investituri li issa ngħaqdu ma’ Ikigai Ventures.
Aktar tagħrif dwar Triggy jinsab disponibbli fuq is-sit https://triggybet.com/. Għal aktar tagħrif dwar Ikigai Ventures wieħed jista’ jżur is-sit https://ikigaiventures.io/
Ritratt: Ikigai Ventures, il-fond ta’ €20 miljun seed-stage immexxi mill-imprenditur Malti Eman Pulis ħabbar l-ewwel investiment tiegħu, u qed jingħaqad mal-finanzjament tas-Serje A fil-kumpanija Żvediża tat-teknoloġija sportiva Triggy