Il-Kap Tal-PN B’Messaġġ Favur Il-Ħajja U Biex Aktar Koppji Jsiru Ġenituri

 Il-Kap Tal-PN B’Messaġġ Favur Il-Ħajja U Biex Aktar Koppji Jsiru Ġenituri
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li l-PN dejjem kien u jibqa’ favur il-ħajja, filwaqt li jrid li aktar koppji jsiru ġenituri. Tant hu hekk li kien Gvern Nazzjonalista li, 10 snin ilu, daħħal l-IVF f’pajjiżna.
Dan kien kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza l-Parlament matul id-Dibattitu fi stadju tat-Tieni Qari fl-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet dwar il-Prokreazzjoni Assistita.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar xhur, tkellem ma’ persuni interessati, koppji u qraba tagħhom, filwaqt li fakkar kif kien il-Partit immexxi minnu li qabel l-elezzjoni ġenerali ppropona li jagħti l-mediċini kollha u l-proċess sħiħ b’xejn.
Dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalistsa qara, studja u ddiskuta, fejn qabel mal-emendi kollha li qed jitressqu. Madankollu, waħda mill-emendi (emenda numru 8) ma tistax titħalla kif inhi għax qed tipproponi li jkun hemm interventi fuq l-embrijun, li jistgħu jkunu invażivi, selettivi u f’ċerti ċirkostanzi distruttivi minħabba l-intervent li jista’ jwassal biex dik il-ħajja ma tkomplix jew li l-bidu tal-ħajja umana ma jkomplix jiżviluppa kif suppost.
“Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li l-avvanz fil-mediċina kif qed jipproponi l-Gvern (il-PGT M) hi b’intenzjoni tajba. Madankollu, jemmen li dan il-metodu ta’ ttestjar għandha tintuża’ biss f’każi eċċezzjonali, ladarba jirrikonoxxi wkoll li hemm mezzi mediċi, bħall-PBT, li ma jaffettwawx lill-embrijun.”
“Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista jipproponi li dawn il-mezzi mediċi u xjentifiċi jwasslu għal dijanjożi billi tintuża’ l-bajda u b’hekk, ma jsirx intervent fuq l-embrijun. Dan wara li l-Partit Nazzjonalista nnota kif, wara li segwa l-protokoll tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni, dan il-metodu ta’ ttestjar jaqbad tmienja minn disa’ kundizzjonijiet u nofs il-każi tal-kundizzjoni ta’ Huntington meta din tkun qed tinġarr mill-mara.”
Dan il-metodu ta’ ttestjar ikun qed jevita wkoll li embrijuni maħluqin mill-IVF jispiċċaw maħżuna u, għax ikunu meqjusin bħala difettużi, jispiċċaw jinżammu maħżunin għal dejjem.
Bernard Grech spjega li, min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jħoss li għandu jkun sensittiv għal dik il-minoranza ta’ koppji li huma inkwetati għax iġorru l-kundizzjoni tagħhom min-naħa tar-raġel. Hu biss f’ċirkostanzi bħal din fejn il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li għandu jintuża’ l-metodu PGT M, ladarba l-ebda teknoloġija medika oħra ma tgħinhom.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qabel ma’ emendi oħrajn, fosthom li tiżdied l-età medja ta’ min jista’ jasal għall-IVF, li min għandu embrijuni barra minn pajjiżna jkun jista’ jġibhom Malta u jekk possibbli jingħataw il-ħajja, li jkun hemm adozzjoni tal-embrijuni protetta b’qafas legali u li tkun tista’ ssir id-donazzjoni tal-bajda jew tal-isperma f’każi fejn ikun importanti li dawn jintużaw.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com