Il-Partit Nazzjonalista Jsellem Lill-Ġenituri Kollha

 Il-Partit Nazzjonalista Jsellem Lill-Ġenituri Kollha

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li llum in-Nazzjonijiet Uniti qed ifakkru l-Jum Dinji għall-Ġenituri, u għaldaqstant il-Partit qed iwassal messaġġ ta’ ringrazzjament għall-ħidma ta’ eluf ta’ ġenituri li jistinkaw ta’ kuljum biex irabbu lil uliedhom fl-għożża u fl-attenzjoni. “Qed niftakru wkoll fi wħud minn dawn il-ġenituri li minħabba l-qagħda finanzjarja jew soċjali tagħhom, ikunu jeħtieġu l-għajnuna u l-appoġġ tagħna biex jirnexxilhom jaslu bħal ħaddieħor.”

Il-ġenituri huma ħolqa ewlenija biex insawru familji sodi u f’saħħithom. Jaqdu rwol importanti fit-trobbija u fil-formazzjoni tal-ulied, speċjalment fl-ewwel snin tal-ħajja tagħhom. Huma kontributuri essenzjali wkoll biex fil-pajjiż ikollna kultura ta’ għaqda u paċi, u kontra l-vjolenza u l-vizzji.

Intqal li fid-dinja ta’ illum, il-ġenituri, li ħafna minnhom huma wkoll ħaddiema jew iħaddmu n-nies, iridu jerfgħu piżijiet kbar. Iridu jlaħħqu ma’ uliedhom, mal-ħajja, u jegħlbu diffikultajiet oħrajn. Uħud minnhom spiċċaw saħansitra mingħajr impjieg, u dan kompla jgħarraq is-sitwazzjoni.

“Illum iridu ukoll niftakru fid-dmir tagħna l-politiċi li nkomplu nfasslu politika li twieżen lill-ġenituri u ssostnihom bl-aħjar mod biex ilkoll jirnexxu. Sta għalina biex bl-għajnuna diretta u indiretta lill-ġenituri, ngħinu ħalli jkollna familji aħjar.

Il-ġenituri li qed irabbu l-familji fis-soċjetà tagħna u li qed irawmu u jindokraw il-ġenerazzjonijiet futuri, jistennew minna l-politiċi li nipprovdu edukazzjoni u taħriġ xierqa lil kulħadd, li noħolqu impjiegi u impjiegi ta’ kwalità, u li jkollna sistema tal-kura tas-saħħa adegwata. Jistennew minna li noħolqu ambjent u miżuri biex ikollhom introjtu diċenti u biex jirnexxilhom isibu bilanċ ġust bejn il-ħajja u x-xogħol tagħhom” temmet tgħid l-istqarrija ffirmata minn David Agius, Vici Kap PN, u Kelliem għall-Politika Soċjali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com