‘Sebastianus Christianus’ – Ġrajja Ta’ Suldat Żagħżugħ Li Jixbaħ Lil Kristu F’Għemilu

 ‘Sebastianus Christianus’ – Ġrajja Ta’ Suldat Żagħżugħ Li Jixbaħ Lil Kristu F’Għemilu
‘Sebastianus Christianus’ – Fuq dawk il-kelmtejn tinbena l-ġrajja ta’ suldat żagħżugħ li jixbaħ lil Kristu f’għemilu mill-bidu sat-tmiem. Il-ġisem imneżża’ jistrieħ mal-għuda fejn jintrabat sakemm l-għajnejn jinfetħu beraħ mal-għajta tal-uġigħ.
Imbagħad l-istess għajnejn jiċċajpru sakemm ma jarawx iktar id-dinja ta’ quddiemhom. Iżda l-imsiemer jinqalgħu, il-vleġeġ jinħarġu u l-ġisem minfud jgħaddi d-dawl ta’ żernieq ġdid li jgħaqqad naħa ma’ oħra, id-dinja fil-qrib mal-oħra mbiegħda, iżda mwassla kif imwegħda.
Daqshekk huwa qawwi x-xebh bejn iż-żewġ protagonisti. Kristu jħalli għal waqt it-tron ta’ Missieru sabiex jinżel idawwal id-dinja sakemm jerġa’ lura għall-ħajja ta’ dejjem. Mill-palazz imperjali Sebastjan jinżel fil-katakombi biex iqawwi qlub l-Insara, imbagħad lura lejn il-palazz li ma jiġġarraf qatt.
Id-dramm ‘Sebastianus Christianus’ għandu l-kitba ta’ Sebastian Saliba, b’addattament teatrali u direzzjoni ta’ Shaun Formosa. Se jittella’ nhar it-Tlieta 5 u l-Erbgħa 6 ta’ Lulju fit-8:30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan, Ħal Qormi.
Produzzjoni tad-Drama Pageant Group fi ħdan il-Parroċċa San Sebastjan Martri, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.
Għall-biljetti jew għal iktar informazzjoni ċemplu fuq: 7909 2963.
Facebook: Drama Pageant Group, Qormi San Sebastjan
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com