Spanjol Daħal F’Ħanut F’San Ġiljan, Qabad Sikkina U Flixkun Tal-Ħġieġ Minn Fuq Mejda U Beda Jagredixxi N-Nies
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’stabbiliment fi Triq il-Wilġa kantuniera ma’ Triq id-Dragunara, San Ġiljan.
Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit (R.I.U) marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li raġel ta’ nazzjonalità Spanjola, daħal fl-istabbiliment, qabad sikkina u flixkun tal-ħġieġ li kienu fuq mejda u beda jaggredixi lin-nies li kien hemm ġewwa.
Meta l-pulizija waslu fuq il-post ftit minuti wara, huma sabu lir-raġel, iżda kif kienu se jarrestawh, huwa ma bedix jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra kien aggressiv fil-konfront tagħhom. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t-taser sabiex ir-raġel jiġi kkontrollat u mrażżan. Wara li ġie arrestat, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall- osservazzjoni.
Minn iżjed investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-aggressur, qabel daħal fl-istabbiliment, għamel ħsara fuq Ford Focus li kienet qed tinstaq minn Pakistan ta’ 28 sena. Ix-xufier ma weġġax.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassisti tliet persuni – raġel mill-Isvizzera u żewġt irġiel Taljani – li sofrew ġrieħi kawża ta’ daqqiet mis-sikkina u l-flixkun li qalgħu mill-aggressur.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura u aktar tard, l-Isvediż ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li t-Taljani ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.