Tnedija Tat-Tieni Skema Sabiex Is-Soċjetajiet Mużikali Jsiru Aktar Inklussivi
Wara s-suċċess miksub is-sena li għaddiet minn skema li permezz tagħha bbenefikaw 18-il soċjetà mużikali biex setgħu jsiru aktar inklussivi, tħabbar li l-istess skema se terġa’ tkun offruta anke din is-sena. Il-fond allokat se jkun ta’ €100,000, b’kull soċjetà tkun tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €10,000. Permezz ta’ din l-iskema soċjetajiet mużikali se jkunu mgħejjuna finanzjarjament sabiex iwettqu proġetti li fost affarijiet oħrajn itejbu l-aċċessibilità kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità.
It-tnedija ta’ din it-tieni skema saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli li ddeskriviet is-sehem tas-soċjetajiet bħala wieħed importanti ħafna fl-iżvilupp kulturali u soċjali ta’ pajjiżna, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-festi tradizzjonali fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.
“L-istrateġija nazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà titkellem b’mod ċar dwar id-dritt li persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għall-kultura u l-arti f’pajjiżna, u din l-iskema qed tgħin biex kull soċjetà tinvesti biex tilħaq dan il-għan,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Sostniet li l-festa hija parti intrinsikament marbuta mal-identità tagħna l-Maltin u għal dan il-għan, il-proġetti li saru mill-iskema tas-sena li għaddiet, issa qed jieħdu l-ħajja u jattwaw l-istrateġija nazzjonali.
“Bl-ewwel skema kellna rispons qawwi ħafna u minnu bbenefikaw 18-il soċjetà u dan kien ta’ stimolu biex anke din is-sena nerġgħu nniedu din l-iskema,” sostniet il-Ministru.
Il-Ministru qalet ukoll li ħidmet is-soċjetajiet mużikali tirrifletti wkoll sens qawwi ta’ volontarjat u allura jħossu s-sodisfazzjon li ħidmiethom qed tkun apprezzata anke mill-Istat. Ħidma li twassal ukoll biex b’għajnuna ta’ skemi bħal dik imnedija tgħin biex jitwettaq fil-prattika l-prinċipju tal-inklużjoni.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana spjegat li s-Soċjetajiet Mużikali interessati f’din l-iskema jridu jkunu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u jkunu konformi mal-liġi li tirregola s-settur volontarju sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet. Il-proġetti imressqa jridu jippromwovu l-inklużjoni u l-aċċessibilità b’mod ħolistiku (wieħed jew aktar minn dawn l-elementi: aċċessibilità fiżika, intellettwali u/jew sensorjali). Se tkun qed tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-proġetti innovattivi li jridu jkunu ta’ xprun għall-kumplament tal-komunità. Kriterju ieħor huwa li s-soċjetà mużikali trid tkun attiva kif ukoll reġistrata mal-Għaqda Każini tal-Baned.
Min-naħa tiegħu Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Baned qal li t-tnedija mill-ġdid ta’ din l-iskema turi vot ta’ fiduċja kbir mill-Ministru Farrugia Portelli għax-xogħol volontarju li jsir mill-għaqdiet tal-baned. Żied jgħid li din l-iskema se tgħin ħafna biex proġetti ambizzjużi li kellhom u għandhom is-soċjetajiet tal-baned jitkomplew.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jinsabu miftuħin u se jintlaqgħu onlajn sal-Ġimgħa 29 ta’ Lulju 2022. Il-formola tal-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit https://vofunding.org.mt
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli żaret is-Soċjeta’ Mużikali tal-Ġilju fl-Imqabba li lestiet il-proġett tagħha mill-iskema tas-sajf li għadda. Il-binja issa hija kollha kemm hi aċċessibbli għal min għandu sfida ta’ mobbiltà.