Żgħażagħ Jingħataw Ċ-Ċans Jiżviluppaw Ħiliet U Anke Professjoni

 Żgħażagħ Jingħataw Ċ-Ċans Jiżviluppaw Ħiliet U Anke Professjoni

Aktar minn 200 żagħżugħ u żagħżugħa daħlu fid-dinja tax-xogħol u baqgħu fl-impjieg sal-lum il-ġurnata. Sa ftit xhur ilu, dawn iż-żgħażagħ kienu meqjusa bħala vulnerabbli. Dan kollu sar possibli permezz tal-OK Project (Opportunity Knocks) offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), bil-bidu ta’ din l-esperjenza tmur lura għas-sena 2018. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jsaħħaħ il-benesseri ta’ żgħażagħ vulnerabbli li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi kumplessi emozzjonali u mġieba diffiċli. Dan huwa proġett ieħor li jaħdem sabiex nevitaw li dawn iż-żgħażagħ jispiċċaw f’xifer t’esklużjoni soċjali. 

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fisser dan il-proġett bħala suċċess għaliex inħolqu opportunitajiet għall-persuni li rnexxilhom jintegraw b’mod effettiv u jiksbu indipendenza. Il-Ministru qal li mal-500 persuna bbenefikaw b’mod dirett, u inħolqu mal-200 opportunità ta’ xogħol u anke spazji edukattivi ġodda. Filwaqt li 24 żagħżugħ u żagħżugħa għexu f’safe house bħala parti minn proċess ta’ riabilitazzjoni u re-integrazzjoni lura fis-soċjetà.

‘‘Kull impenn jista’ jagħmel id-differenza u saħansitra jbiddel id-direzzjoni li jkun ħa dak l-individwu. Dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal ta’ kulħadd u għalhekk qed ninvolvu ruħna f’kollaborazzjonijiet bħalma huma dawn. Aħna jinteressana minn kulħadd, tkun żgħira kemm hi żgħira dik il-minorità,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett sostna li llum qegħdin naraw is-suċċess ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ €941,176, li minnhom €800,000 huma fondi ġejjin mill-Fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea, li huma l-pajjiżi tan-Norveġja, Iżlanda u Liechtenstein.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li apparti dan il-proġett qed isiru ħames proġetti oħra mill-istess pakkett ta’ fondi b’allokazzjoni ta’ €8 miljuni immirati biex jittrattaw l-iżvilupp lokali u t-tnaqqis fil-faqar. “Il-Gvern Malti qiegħed iħares ’il quddiem sabiex insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali li Malta bniet ma’ dawn il-pajjiżi biex fiżżmien illi ġej inkunu nistgħu nħabbru aktar proġetti ta’ fejda,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bonett.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com