Uffiċjali Tal-FCID B’Kors Dwar Il-leġislazzjoni Tal-Ħasil Tal-Flus Mill-Università Ta’ Malta
Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji (FCID) temmew b’suċċess kors dwar il-Leġislazzjoni tal-Ħasil tal-Flus mil-lat prattiku, offrut mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.
L-għan tal-kors kien biex l-uffiċjali jifhmu aħjar x’inhu l-ħasil tal-flus u kif il-liġi qiegħda tevolvi f’dan irrigward, speċjalment permezz ta’ sentenzi tal-Qrati. Matul dan il-kors, il-pulizija kellhom ukoll lopportunità li jiddiskutu kwistjonijiet prattiċi u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fix-xogħol.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà qal li l-Korp tal-Pulizija, permezz tal-FCID, qiegħed ibiddel l-operat b’mod aktar pro-attiv ta’ kif tiġi miġġielda l-kriminalità tal-ħasil tal-flus. Min-naħa tagħha, id-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo, qalet li l-Korp tal-Pulizija huwa kommess li jkompli jixpruna lill-membri tiegħu sabiex itejbu l-kwalifiki, kif ukoll jitgħallmu u jaġġornaw ruħhom fuq issuġġett tal-ħasil tal-flus.
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Dr Ivan Mifsud qal li fl-aħħar snin ir-reat tal-ħasil tal-flus żdied u fisser kif dan huwa fenomenu f’kull pajjiż fid-dinja, u llum il-Pulizija tal-FCID għandhom aktar poteri sabiex jiġġieldu dan il-fenomenu. Indirizza ukoll lill-pulizija li għamlu dan il-kors, l-Avukat Stefano Filletti li qal li t-taħriġ li ngħata lill-uffiċjali tal-FCID huwa bħalma jingħata lill-avukati u għalhekk issa l-Pulizija huma aktar imħarrġin legalment f’dak li għandu x’jaqsam il-ħasil tal-flus.