Familji Bi Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar Permezz Ta’ Drittijiet Ġodda Li Se Jidħlu Fis-Seħħ Mit-2 t’Awwissu

 Familji Bi Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar Permezz Ta’ Drittijiet Ġodda Li Se Jidħlu Fis-Seħħ Mit-2 t’Awwissu

B’effett mit-2 t’Awwissu li ġej, il-liġi Maltija se tkun qed tintroduċi drittijiet ġodda li jassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin. Dawn id-drittijiet jikkonċernaw il-leave tal-paternità, il-leave tal-ġenituri u l-leave tal-carers.

Matul żjara li s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul kellu fl-uffiċini tal-Mediterranean Insurance Brokers f’Ħal Qormi, huwa spjega li dawn id-drittijiet il-ġodda se jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-ħaddiema u l-familji tagħhom. Saħaq li b’effett min-nhar it-Tlieta li ġej, il-liġi se tkun qed tinkorpora erba’ drittijiet ġodda: għaxart ijiem leave tal-paternità, il-leave t’erba’ xhur għall-ġenituri li xahrejn minnhom se jkunu mħallsa, ħamest ijiem carers’ leave u d-dritt tal-flessibilità fuq il-post tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li dawn id-drittijiet se jkunu qed joħolqu bilanċ bejn ir-realtajiet ta’ min iħaddem u l-impjegat. Stqarr li dawn id-drittijiet huma biss il-bidu u li l-Gvern huwa kommess li jkompli jibni fuqhom biex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu dejjem jitjiebu.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-kumpanija Tonio Briffa qal li d-drittijiet l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ se jkunu qed jikkumplimentaw l-inċentivi li toffri Mediterranean Insurance Brokers biex tassigura bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-familja. Huwa laqa’ b’sodisfazzjon id-drittijiet il-ġodda u qal li dawn se jagħtu iktar flessibilità lill-ġenituri u lil dawk li jieħdu ħsieb lill-qraba tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com