Il-Kompetizzjoni Nazzjonali Tal-Films Tiċċelebra t-62 Anniversarju Tagħha

 Il-Kompetizzjoni Nazzjonali Tal-Films Tiċċelebra t-62 Anniversarju Tagħha

Il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Films, organizzata mill-Malta Cine Circle, qed tiċċelebra t-62 anniversarju tagħha din is-sena. Dan jagħmilha l-aktar kompetizzjoni tal-films li ilha ssir f’Malta, u waħda mill-aktar li ilhom jeżistu tat-tip tagħha kemm fl-Ewropa, kif ukoll madwar id-dinja.

Din il- kompetizzjoni tal-films kienet organizzata għall-ewwel darba fl-1955, dak iż-żmien bi tliet parteċipanti biss. Iżda l-kompetizzjoni malajr saret popolari, hekk kif aktar membri bdew jixtru l-ewwel cine camera tagħhom. Fi ftit snin, kienu qed jipparteċipaw medja ta’ 20 produzzjoni f’kull edizzjoni. Grazzi għal dawn il-kompetizzjonijiet u workshops oħra li s-Circle kien imexxi kull sena, il-produtturi Maltin tal-films qosra saru kapaċi u malajr bdew jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna,
fejn kisbu diversi riżultati eċċellenti.

Fl-1962, tnieda l-Golden Knight Malta International Film Festival li stabbilixxa lis-Circle b’mod sod fix-xena internazzjonali tal-films. Għalhekk, din is-sena, il-Golden Knight Festival qed jiċċelebra s-60
anniversarju tiegħu. Fin-nuqqas ta’ skola tal-films hawn Malta, il-Malta Cine Circle kellu rwol importanti fil-promozzjoni tal-produzzjoni tal-films, anke jekk fil-ġeneru tal-films qosra biss. Bosta mill-produtturi Maltin tal-films tal-lum jafu l-bidu tagħhom fil-kompetizzjonijiet tas-Circle.

Fil-jiem li għaddew, il-produzzjonijiet parteċipanti fl-edizzjoni tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Films ta’ din is-sena kienu ppreżentati lill-ġurija, u dawn huma r-riżultati:

L-Aħjar Produzzjoni
This is Matt Mason ta’ Jonathan Backman
Premju għall-aħjar Ċinematografija
Other Plans ta’ Roy Davidson
Premju għall-aħjar Direzzjoni
The Soap Box tad-direttur Bruce Micallef Eynaud
Premju għall-Editjar
Memories editjat minn Jeremy Vella
Premju għall-Użu tal-Awdjo
No Man’s Land ta’ Andrew Bonello
Premju għall-aħjar Attur
David Muscat għall-parti tiegħu fil-film This is Matt Mason
Premju għall-aħjar Attriċi
Alexia Manduca għall-parti tagħha fil-film Last Night
Premjijiet Speċjali tal-Ġurija għal Kisba Eċċellenti
ngħataw lil Roy Davidson talli pproduċa dokumentarji informattivi, edukattivi u interessanti, u lil Andrew Bonello għall-ħila tiegħu għall-ħiliet diversi fil-produzzjoni tal-films.

Is-serata tal-films rebbieħa u l-preżentazzjoni tal-premjijiet se ssir il-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu fis-7.30pm fl-Amphitheatre Hall, Marriott Hotel, il-Balluta. Il-pubbliku hu mistieden u d-dħul hu b’xejn. Biex tirriserva postijiet fis-sala, tista’ tibgħat imejl lil: [email protected] jew iċċempel 9946 0866.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com