‘Memorji tal-Gżira Tiegħi’ – Wirja Ta’ Fotografija Ta’ Toroq Maltin Minn Nicky Conti

 ‘Memorji tal-Gżira Tiegħi’ – Wirja Ta’ Fotografija Ta’ Toroq Maltin Minn Nicky Conti

Nicky ilha tgħix barra mill-Gżira tagħna għal kważi għoxrin sena, iżda s-sens tal-identita’ tagħha tibqa’ sseraħ fuq il-memorji li għamlet hi u tikber. Waqt iż-żjarat qosra lura f’pajjiżha, il-biża’ li tinsa twassalha sabiex titlaq bil-kamera għal għonq it-triq tfittex memorji passati waqt li fil-proċess toħloq dawk ġodda . Hi temmen li l-identita’ tal-Gżira tagħha tinsab fit-toroq qodma, djar u postijiet storiċi. Din l-identita’ tifforma tagħha stess.

Il-fotografija ta’ Nicky tirrapreżenta memoriji mentali li jaqbdu mument fiż-żmien u jibqgħu jgħixu għal dejjem. Hi tuża l-kuntrast fotografiku, il-kulur, il-forom u d-dawl biex turi dak li tiftakar, waqt li tuża d-dellijiet skuri, l-ispazju negattiv u s-siluwetti biex tkopri l-partijiet li jintesew.

Il-pubbliku huwa mistieden li joħloq memorji ġodda tiegħu waqt li jqanqal mill-ġdid memorji qodma permezz ta’ dawk tal-artista.

‘Memorji tal-Gżira Tiegħi’ se tkun miftuħa bejn it-23 ta’ Lulju u t-13 ta’ Awwissu ġewwa l-Malta Postal Museum & Arts Hub, 135, Triq l-Arċisqof, Valletta. Il-Mużew ikun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-10am u l-4pm u s-Sibtijiet bejn l-10am u s-2pm.

Il-wirja hi miġjuba bis-saħħa tal-Malta Postal Museum u iLab Photo Ltd.  Id-dħul huwa b’xejn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com