Il-PN B’ Vot Kontra L-Interessi Maltin Fil-Parlament Ewropew

 Il-PN B’ Vot Kontra L-Interessi Maltin Fil-Parlament Ewropew

“Waqt vot fil-Parlament Ewropew dalgħodu, il-Partit Nazzjonalista ivvota kontra l-interessi ta’ Malta u saħansitra kontra dak li tkellem dwaru l-kandidat tal-PN Peter Agius ftit jiem ilu”, qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer fit-tmiem tal-Plenarja ta’ Strasburgu.

Engerer spjega kif ir-rapport ReFuel EU li jżied l-obbligi ambjentali, li qal li huma importanti, mhux qed jagħmlu distinzjoni b’saħħitha biżejjed bejn min ma għandux għażla fil-mezzi tat-trasport li juża.

“Sitwazzjoni ta’ one size fits all ma tagħmilx sens f’kuntest fejn ir-realtajiet u l-opportunitajiet huma daqstant differenti. Nies li jgħixu fil-gżejjer, speċjalment gżejjer li huma Stati fihom nfushom, ma jistgħux ikomplu jiġu maħnuqa b’iktar piżijiet milli diġa għandhom, spjega l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer.

“Jien u sħabi vvutajna kontra dan ir-rapport ghax ma jifhimx ir-realtajiet ta’ gżejjer bħal Malta. Filwaqt li nemmnu li għandna nkomplu niġġieldu t-tibdil fil-klima u nipproteġu l-ambjent, u kull pajjiż għandu jagħmel sehmu, dan il-piż għandu jkun wieħed ġust għal kulħadd,” tenna Engerer.

Engerer ikkonkluda billi saqsa jekk Peter Agius hux se jikkundanna lil David Casa għal mod ta’ kif ivvota fuq l-emendi mressqa fuq dan il-vot partikolari, lif ukoll fuq il-vot tar-rapport finali.

“Irridu nagħmlu minn kollox biex nissalvagwarjaw l-interessi tal-konnettività ta’ Malta u Għawdex mal-bqija tad-dinja”, temm jgħid Engerer.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com