Kwalità Ta’ ħajja Aħjar: Introdotti Drittijiet Ġodda

 Kwalità Ta’ ħajja Aħjar: Introdotti Drittijiet Ġodda

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li mit-2 ta’ Awwissu fil-liġi Maltija se jiġu introdotti drittijiet ġodda.

Dawn huma l-leave tal-paternità, il-leave tal-ġenituri, u  l-leave tal-carers.

“Din it-tnedija ta’ dan il-leave tfisser li wegħda elettorali oħra ġiet imwettqa”, qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

Andy Ellul spjega li l-leave tal-paternità għall-missirijiet jew it-tieni ġenitur se jiżdied għal għaxart ijiem.

Bħalissa, fil-privat dan il-leave  huwa ta’ ġurnata jew jumejn, filwaqt li għal dawk li jaħdmu mas-servizz pubbliku dan hu ta’ ħamest ijiem.

Dan ifisser li min jaħdem mal-privat se jkun qiegħed jiggwadanja sa massimu ta’ disa’ ġranet leave ta’ paternità addizzjonali, filwaqt li dawk li jaħdmu fis-servizz pubbliku se jkunu qegħdin jiggwadanjaw ħamest ijiem ġodda.

“Ser inkunu qegħdin naraw ukoll li dawn l-għaxart ijiem jitħallsu bis-sħiħ skont il-paga tal-ħaddiem inkwistjoni”, qal is-segretarju parlamentari.

Andy Ellul ħabbar li permezz ta’ din il-liġi, il-leave tal-ġenituri, li bħalissa kien ta’ erba’ xhur bla ħlas, xahrejn minnu issa se jibdew jitħallsu skont in-National Parental Leave Rate.

Apparti hekk, huwa spjega wkoll li dan il-leave se jinqasam tul it-tmien snin, u b’hekk jiġi aċċertat li l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu meta l-aktar li jkollhom bżonn.

Is-segretarju parlamentari qal li se jkun qiegħed jidħol kunċett ġdid fil-liġi Maltija, li huwa dak tal-carers’ leave.

Dan il-leave huwa ta’ ħamest ijiem fis-sena mingħajr ħlas u jista’ jintuża biex ħaddiem jieħu ħsieb qraba li jgħixu fl-istess residenza f’każ ta’ raġunijiet mediċi.

Is-segretarju parlamentari spjega li l-finanzjament ta’ dawn il-miżuri, li bihom ukoll se tiġi trasposta d-Direttiva tal-Work-Life Balance, se jsir totalment mill-gvern sal-aħħar tal-2023.

Mill-ewwel ta’ Jannar tal-2024 il-gvern se jibqa’ jġorr l-ispiża relatata mal-ħaddiema tiegħu u l-privat jidħol għas-sehem tiegħu.

Dan se jsir billi l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-miżuri jiġu koperti mill-Maternity Leave Trust Fund.

Is-segretarju parlamentari temm jgħid li permezz ta’ dan it-tibdil fil-liġi, ġenituri li jaħdmu għandhom id-dritt li sakemm it-tfal jaslu sal-età ta’ tmien snin ikollhom iċ-ċans li jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għal finijiet ta’ indukrar.

B’hekk il-gvern se jkun qed jinkoraġġixxi l-flessibilità biex finalment il-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna tkompli togħla.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com