Jirritorna L-Akbar Avveniment Tal-Ikel F’Malta – Aktar Minn 400 Platt Minn Madwar Id-Dinja

 Jirritorna L-Akbar Avveniment Tal-Ikel F’Malta – Aktar Minn 400 Platt Minn Madwar Id-Dinja

Jirritorna l-akbar avveniment tal-ikel f’Malta, il-Malta International Food Festival, ċelebrazzjoni kulinari tal-aqwa kċejjen minn madwar id-dinja. Opportunità sabiex wieħed jaqsam il-passjoni tiegħu għall-ikel filwaqt li jduq l-ifjen platti minn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-Dinja.

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-miżuri tal-pandemija, il-festival tal-ikel mistenni jirritorna akbar minn qatt qabel, b’aktar minn 100 esebitur, madwar 80 kok Malti u barrani ser ikunu qegħdin jippreparaw madwar 400 platt differenti minn madwar id-dinja.

Is-sitt edizzjoni ta’ dan l-avveniment tant mistenni ser tittella’ għall-ewwel darba fi Pjazza Tritoni l-Belt Valletta sabiex b’hekk il-festival ser ikun mifrux fuq spazju ikbar filwaqt li jkun aktar aċċessibbli għall-Maltin u t-turisti li mistennija jattendu.

L-aroma tal-ifjen ikel minn madwar id-dinja ser jinvadu d-daħla tal-Kapitali. Din is-sena l-avveniment ser ikun mifrux fuq 5 ijiem, mill-Erbgħa 13 ta’ Lulju sal-Ħadd 17 ta’ Lulju mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem. It-tjubijja, id-dettall u l-versatilità ta’ ’l fuq minn 400 platt differenti ser ikunu akkumpanjati bl-ifjen deżerti barranin u oħrajn tradizzjonali Maltin li għandhom jinżlu għasel matul dawn il-ġranet sħan tas-sajf.

Din is-sena, fost l-attrazzjonijiet ewlenin, ser jkun qiegħed jittella’ l-padiljun tal-ikel Malti. Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Biċċerija Pubblika u l-Malta Food Agency ser ikunu qegħdin joffru lil dawk kollha li ser jattendu varjetà ta’ ikel bnin u frisk mill-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied Malti. Minn platti tradizzjonali għal oħrajn aktar konvenzjonali, dan il-padiljun ser ikun qiegħed joffri l-itjeb ikel mill-kċina Maltija filwaqt li joffri l-opportunità lill-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied Malti jippromwovi l-prodott tiegħu.

Ikel għall-vegani, veġitarjani u ikel mingħajr glutina ser ikun ukoll offrut minn numru ta’ stands.

Il-Malta International Food Festival hu l-akbar opportunità għall-persuni fl-industrija kulinarja f’Malta sabiex jesebixxu, isajru u jippromwovu ikel differenti f’atmosfera unika. Numru ta’ esebituri ser ikunu wkoll qegħdin idewqu ikel b’xejn minn għadd ta’ stands mifruxa madwar il-funtana tat-Tritoni.

L-aqwa artisti lokali ser ikunu qegħdin joffru divertiment matul l-iljieli kollha, filwaqt li t-tfal ser ikollhom fejn jiddevertu ruħhom b’żona apposta ddedikata għalihom. Artiġjani Maltin ser ikunu qegħdin jesebixxu l-prodotti tagħhom filwaqt li artisti lokali ser ikunu qegħdin ipittru dak il-ħin ix-xenarju spettakolari tal-Imdina.

Dawk kollha li ser jattendu ser ikunu qegħdin jingħataw vawċers b’valur ta’ aktar minn €20 u t-tfal kollha taħt it-12-il sena ser jingħataw biljett b’xejn għall-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta.

Il-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali ser jittella’ l-Erbgħa 13 ta’ Lulju, il-Ħamis 14 ta’ Lulju, il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju, is-Sibt 16 ta’ Lulju u l-Ħadd 17 ta’ Lulju 2022 mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta.

Aktar informazzjoni fuq www.maltainternationalfoodfestival.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com