Malta Bl-Ewwel Post Fl-eGovernment Minn 35 Pajjiż Ewropew

 Malta Bl-Ewwel Post Fl-eGovernment Minn 35 Pajjiż Ewropew

Is-Servizz Pubbliku Malti ġie ċċertifikat l-ewwel fl-Ewropa fuq servizzi ta’ eGovernment. Malta kisbet l-ewwel post b’riżultat ta’ 96%, segwita mill-Estonja (90%) u mil-Lussemburgu (87%). Dan ħareġ mir-rapport ‘eGovernment Benchmark Reports 2022’ maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, li fih janalizza servizzi governattivi online ta’ 35 pajjiż Ewropew.

Is-Servizz Pubbliku Malti kklassifika fl-ewwel post ta’ dan l-istudju wara li ġie l-ewwel fil-kriterji kollha ta’ dan l-eżerċizzju. Ir-riżultat ta’ pajjiżna kien 28% ogħla mill-medja tal-pajjiżi l-oħra.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Malti Tony Sultana qal li dan hu ċertifikat ieħor tal-livelli għolja tas-servizzi pubbliċi f’pajjiżna. Qal li dan ma kienx ikun possibbli mingħajr id-dedikazzjoni tal-uffiċjal pubbliku, u l-investiment li sar u li se jibqa’ jsir biex is-Servizz Pubbliku Malti jkollu dejjem l-aqwa għodda u ħiliet diġitali fi ħdanu.

L-Unjoni Ewropea twettaq dan l-istudju kull sena biex tiddetermina kemm l-amministrazzjonijiet pubbliċi joffru s-servizzi tagħhom b’mod effettiv bl-użu ta’ għodod diġitali moderni. L-eżerċizzju jevalwa t-twassil ta’ servizzi ta’ eGovernment f’35 pajjiż madwar l-Ewropa: is-27 stat membru tal-UE u l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Isvizzera, l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija.

Ir-rapport ‘eGovernment Benchmark 2021’ hu disponibbli mis-sit  https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/egovernment-benchmark-2022

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com