Proposti Konkreti Mill-Partit Nazzjonalista Għal Ħidma Parlamentari Aħjar

 Proposti Konkreti Mill-Partit Nazzjonalista Għal Ħidma Parlamentari Aħjar

Il-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni kostruttiva għadu kif ippreżenta għadd ta’ proposti konkreti biex tittejjeb il-ħidma tal-Parlament Malti.

Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn saħqu li David Agius u Robert Cutajar, f’ittra li kitbu lid-Deputat Prim Ministru Chris Faerne, ippreżentaw il-bosta proposti li ressqet l-Oppożizzjoni waqt l-ewwel Kumitat Permanenti għall-Affarijiet tal-Parlament.

Intqal li b’mod ewlieni, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tisħaq fuq l-importanza li l-Parlament ikollu sessjoni apposta darba fil-ġimgħa għall-mistoqsijiet lill-Prim Ministru, imnebbħa minn proċedura simili fil-Parlament Ingliż

Barra minn hekk, qed tipproponi wkoll li minflok darba kull tlieta sa sitt xhur, ikun hemm ġurnata kull ġimagħtejn riżervata għal diskussjoni dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Hekk, l-Oppożizzjoni Parlamentari li tirrappreżenta lill-eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin tassew ikollha sehem aħjar fid-diskussjoni fl-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tappella lill-Gvern jindirizza s-sitwazzjoni msemmija wkoll mill-GRECO u jwaqqaf mingħajr iżjed dewmien Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Ġustizzja, li bħall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jkollu maġġoranza tal-Gvern iżda jiġi ppresedut minn Membru tal-Oppożizzjoni. Jeħtieġ jitwaqqaf kumitat ukoll biex jiġu aġġornati l-istandard orders attwali.

“Biex twettaq u ssaħħaħ il-ħidma Parlamentari tagħha, l-Oppożizzjoni ilha tappella għal bosta snin ukoll biex il-Gvern jipprovdi l-appoġġ meħtieġ ħalli l-Oppożizzjoni tingħata l-assistenza u r-riżorsi xierqa, kemm umani u anke fiżiċi. B’dan il-mod, l-Oppożizzjoni tkun tista’ taqdi dmirha aħjar u tagħti l-kontribut akbar kif mistenni minnha fil-proċessi leġiżlattivi u Parlamentari. Jixraq ukoll li r-rapporti tal-Ombudsman imressqa quddiem il-Parlament, jiġu diskussi fil-plenarja għal perjodu ta’ żmien deċiż miż-żewġ naħat tal-Kamra.”

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li jinfetaħ servizz ta’ childcare għall-Membri Parlamentari, għall-ħaddiema kollha tal-Parlamenti Malti, u għall-membri tal-Korp stazzjonati mal-binja tal-Parlament.

L-istqarrija temmet tgħid li filwaqt li l-Oppożizzjoni disposta bis-sħiħ li tipparteċipa f’diskussjoni dwar il-proposti msemmija mill-Ispeaker tal-Parlament nhar is-Sette Giugno, qed titlob biex dawn il-punti flimkien mal-proposti tal-Oppożizzjoni jiġu diskussi fil-laqgħa li jmiss fil-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet tal-Parlament ħalli lkoll niżguraw aktar ħidma ta’ kwalità fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com