Vot Qawwi Ta’ Fiduċja Fil-Ħidma Tal-MPE Josianne Cutajar Dwar L-Intelliġenza Artifiċjali

 Vot Qawwi Ta’ Fiduċja Fil-Ħidma Tal-MPE Josianne Cutajar Dwar L-Intelliġenza Artifiċjali

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) fi ħdan il-Parlament Ewropew, ta vot qawwi ta’ fiduċja f’Opinjoni dwar Regoli Armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), opinjoni li kienet innegozjata mill-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar bħala Rapporteur f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi.

Il-MPE Cutajar enfasizzat li l-IA għandha tibqa’ ċċentrata fuq il-bniedem il-ħin kollu. Barra minn hekk, għandna naħdmu bis-sħiħ biex niżguraw li l-preġudizzju fis-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jiġu eliminati u li tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi l-aktar vulnerabbli li huma suxxettibbli għall-effetti diskriminatorji tal-intelliġenza artifiċjali.

“Jeħtieġ li l-IA tiġi regolata inkluż f’dak li għandu x’jaqsam ma’ vetturi misjuqa minn sistemi tal-IA. Diġà qed iseħħu inċidenti li jinvolvu karozzi li jużaw sistemi tal-‘autopilot’. Dan juri fih innifsu li kemm it-titjib fil-livell tekniku, kif ukoll ir-regoli l-ġodda fil-livell tal-Unjoni Ewropea, huma meħtieġa f’dan ir-rigward”, iddikjarat il-MPE.

Din il-ġimgħa mmarkat ukoll kisba importanti oħra għall-MPE Cutajar fir-rigward tal-ħidma tagħha fil-qasam diġitali. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim proviżorju dwar il-Programm ta’ Politika għad-Deċennju Diġitali, att leġiżlattiv ambizzjuż li jistabbilixxi miri għall-2030 biex l-Ewropa tkun adattata għat-tranżizzjoni teknoloġika dwar il-ħiliet, il-konnettività u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji u s-settur pubbliku. Il-MPE Cutajar irrappreżentat lill-Grupp tas-Soċjalisti fit-tim tan-negozjati, bil-Parlament Ewropew mistenni jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu għal din il-pożizzjoni maqbula f’Settembru.

F’dan ir-rigward, il-MPE Cutajar saħqet li dan “il-Programm ta’ Politika huwa pass konkret ’il quddiem biex jiġi żgurat li l-UE tkun adatta għal tranżizzjoni diġitali ta’ suċċess; id-diġitalizzazzjoni mhijiex l-għan aħħari fiha nnifisha iżda mezz biex jintlaħqu riżultati soċjali usa’, bħall-inklussivita’, koeżjoni territorjali aħjar u ugwaljanza bejn il-ġeneri”. Sa mill-bidu tan-negozjati, il-MPE Cutajar ħadmet ħafna biex ittejjeb il-proposta u tagħmilha aktar faċli għan-negozji zgħar u medji, filwaqt li ssaħħaħ l-enfasi fuq il-ħiliet diġitali, li huma essenzjali biex l-Ewropa tlaħħaq ma’ kompetituri globali oħra.

Kemm l-approvazzjoni tal-Opinjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali kif ukoll il-ftehim dwar id-Deċennju Diġitali jikkonfermaw l-impenn qawwi ta’ Dr Cutajar biex tissaħħaħ il-politika diġitali, impenn li mhux biss iqis il-kompetittività ekonomika, iżda għandhom ukoll l-għan li jsaħħu d-dimensjoni soċjali u li jassiguraw li t-tranżizzjoni diġitali żżomm lin-nies fiċ-ċentru tagħha.