Richmond Foundation Tirrikonoxxi L-Isforzi Ta’ Melita Biex Tippromwovi L-Għarfien Dwar Is-Saħħa Mentali

 Richmond Foundation Tirrikonoxxi L-Isforzi Ta’ Melita Biex Tippromwovi L-Għarfien Dwar Is-Saħħa Mentali

Melita Limited issa saret rikonoxxuta bħala Certified Mental Health First Aider Skilled Workplace u ngħatat il-Gold Award mill-Fondazzjoni Richmond. Iċ-ċertifikazzjoni ngħatat għax-xogħol li sar minn Melita biex tippromwovi l-għarfien dwar is-saħħa mentali, inkluż l-għoti ta’ aċċess b’xejn għall-Programm Health Minds tal-Fondazzjoni Richmond lill-impjegati kollha ta’ Melita.

Jaqueline Abela, Kap tar-Riżorsi Umani ta’ Melita Limited, qalet, “Il-Programm Healthy Minds tal-Fondazzjoni Richmond jipprovdi appoġġ permezz ta’ terapisti, counsellors u psikologi kwalifikati lil kull min iħoss il-bżonn li jersaq għall-għajnuna b’mod kompletament kunfidenzjali. Dan is-servizz, li huwa disponibbli għall-impjegati kollha ta’ Melita, flimkien mat-taħriġ tal-Mental Health First Aider li l-Fondazzjoni tat lill-istaff tagħna, huwa ċentrali għall-isforzi kontinwi tagħna biex nassiguraw ambjent b’saħħtu u inklużiv li fih kulħadd jista’ jiżviluppa. Li l-isforzi tagħna jiġu rikonoxxuti mill-Fondazzjoni Richmond jispirana biex inkomplu nagħmlu aktar.”

Il-Fondazzjoni Richmond hi l-karità ewlenija f’Malta għas-saħħa mentali, fejn tipprovdi appoġġ lil kull min jesperjenza problemi u lin-nies ta’ madwaru. L-organizzazzjoni taħdem ukoll biex tneħħi l-istigma madwar is-saħħa mentali permezz tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-benessri mentali.

Kull min iħoss li għandu bżonn l-għajnuna jista’ jikkuntattja lill-Fondazzjoni fuq 1770. Aktar tagħrif jinsab disponibbli fuq is-sit https://www.richmond.org.mt/.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com