Spettakli Ta’ Logħob Tan-Nar Fil-Port Il-Kbir Għall-Festa Tal-Belt Vittoriosa

 Spettakli Ta’ Logħob Tan-Nar Fil-Port Il-Kbir Għall-Festa Tal-Belt Vittoriosa

Fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Lawrenz, Patrun tal-Belt Vittoriosa, fil-Port il-Kbir, ser jerġgħu jittellgħu l-ispettakli annwali ta’ logħob tan-nar li saru parti mill-kalendarju pirotekniku ta’ pajjiżna. Dawn l-ispettakli jiġu ppreżentati ta’ kull sena mill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu tal-Birgu. Fl-aħħar sentejn, minħabba l-pandemija, dawn l-ispettakli saru b’mod ridott, iżda din is-sena kollox ser jerġa’ jsir kif kien isir sal-2019, anzi fuq skala akbar mill-aħħar li saru b’mod normali.

L-ispettaklu pirotekniku prinċipali msejjaħ “ La Notte Di San Lorenzo 2022”, ser jiġi ppreżentat lejliet il-festa tal-Belt Vittoriosa, nhar it-Tlieta 9 ta’ Awissu fl-10.00 p.m. Il-pubbliku li ha jattendi huwa mħeġġeġ biex jara dawn l-ispettakli minn fuq is-swar tal-Birgu, fejn ser ikun hemm is-“sound system” u mhux jibqa’ f’xi nħawi oħra vantaġġjużi tal-Port il-Kbir, għax inkella ma jkunx jista’ jgawdi l-pakkett kollu li ser ikun offrut. Ħdejn il-klabb tal-Boċċi tal-Birgu, ser jintrama “sound system” kif ukoll diversi effetti ta’ dwal biex jikkumplimentaw l-ispettaklu pirotekniku. Il-kummentatur tas-Serata ser ikun id-DJ Dorian Cassar.

Is-Serata tibda b’wirja ta’ loghob tan-nar ssinkronizzat mall-kanzunetta oriġinali ta’ dan l-ispettaklu – “La Notte di San Lorenzo” – muzika ta’ Philip Vella u lirika ta’ George Peresso u kant ta’ Ludvig Galea. Ezatt wara jinharqu l-murtali tradizzjonali tal-beraq u dawk tal-kulur. Il-final, li tant ikun mistenni, ser jibda b’wirja kbira ta’ nar ssinkorinizzat mall-muzika. Din is-sena intghazlek tema Taljana u l-wirja ha tkun issikronizzata mall-kanzunetti Funiculi Funicula ta’ Luigi Denza u Peppino Turco, Ogni Volta ta’ Paul Anka, Vedo Nero ta’ Zucchero, La Nostra Favola ta’ Jimmy Fontana u Time to say goodbye ta’ Andrea Bocelli u Sarah Brighton. La Notte di San Lorenzo 2022 tiġi fi tmiemha b’wirja kkorejografata ta’ nar tradizzjonali Malti, ftuħijiet kbar ta’ beraq u blalen kbar. Din il-wirja wkoll ha tkun akkumpanjata permezz tal-kanzunetti Miss you ta’ Winter Moods u Joseph Calleja, Marigold ukoll ta’ Winter Moods u finalment Vincero ta’ Fredrik Kempe.

Ta’ min jgħid li l-wirjiet kollha huma kollha kkordinati mill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu u ser jinħarqu bis-sistema Pyromaster. Dawk kollha li ser jattendu għal din is-Serata Piroteknika, jistgħu jaslu fil-post ċentrali fejn ser ikun hemm is-sound system jew billi jiġu min-naħa tal-Monasteru ta’ Santa Skolastika ( min-naħa tal-Pjazza) jew minn Triq iċ-Ċentinarju (min-naħa tax-Xatt tal-Birgu). Inħeġġu wkoll li jintuża parkeġġ kbir – il-Fortini Football Ground.

Ta’ min jgħid ukoll li mit-8.30 p.m ‘il quddiem tul il-post fejn ser ikun hemm armata is-sistema tas-sound u fejn hu mistenni li jerġgħu jinġabru l-eluf tan-nies, ser ikun hemm ukoll marċi brijużi u progammi mużikali mill-Banda Maria Assunta tal-Gudja u mill-Banda San Leonardu ta’ Ħal Kirkop

Lejliet il-Festa hija biss preludju għal ġurnata tant għażiża tal-festa – il-ġurnata ta’ l-10 ta’ Awwissu li din l-Għaqda Piroteknika hija tant kburija li ġġib l-isem tagħha. Il-festa tal-Birgu fiha l-vantaġġ li dejjem tiġi ċċelebrata fil-ġurnata propja tagħha u għaldaqstant tattira kwantità ta’ nies xi drabi anke aktar minn festi oħra għal raġuni li ma taħbatx ma’ festi oħra. Madankollu, żgur mhux forsi li t-Tlieta 9 u l-Erbgħa 10 ta’ Awwissu, kull dilettant ma jistax ma jagħżilx li ma jkunx il-Birgu.

Il-qofol ta’ l-ispettaklu pirotekniku ta’ Jum il-Festa, l-Erbgha 10 ta’ Awwissu ikun meta fis-7.15 p.m tinharaq il-kaxxa nfernali hekk imsejjha “tal-hrug”, kaxxa spettakolari minn fuq diversi braken fil-Port il-Kbir, spettaklu li huwa wkoll b’korejografija u li ser jinharaq bis-sistema Pyromaster. Immedajatament wara jinħarqu diversi murtali bil-logħob. Il-logħob tan-nar f’din il-ġurnata jibqa’ sejjer sal-11 p.m, fejn ser ikun hemm wirja sħiħa ta’ logħob tan-nar, fl-okkażżjoni ta’ Jum San Lawrenz.

Ta’ min jgħid, li apparti dawn il-jumejn prinċipali, l-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu ħejjiet bħala preludju, programm ta’ ġimgħa sħiħa logħob tan-nar mill-Port il-Kbir. Infatti ser ikun hemm programm ta’ logħob tan-nar kuljum f’dawn il-ġranet – Il-Ħadd 31 ta’ Lulju, is-Sibt 6, il-Ħadd 7 u t-Tnejn 8 ta’ Awwissu. Fl-aħħar ġurnata msemmija dik tat-Tnejn 8 ta’ Awwissu, l-Antiviġilja, il-programm tan-nar ser jibda fid-8.45 p.m fejn ser ikun hemm wirja kompluta ta’ murtali tradizzjonali tal-beraq u tal-kulur kif ukoll kaxxa nfernali tal-kulur. Wara l-ispettaklu fil-Port il-Kbir, nhar it-Tlieta 9 ta’ Awwissu ikun hemm ukoll wirja ta’ logħob tan-nar ta’ l-Art fil-11.30 p.m quddiem il-Knisja Parrokjali fil-Marina tal-Birgu.

Wieħed jista jgħid li dan ser ikun Festival ieħor tan-nar fil-Port il-kbir….bis-sehem ta’ xejn inqas minn 11 -il Għaqda/ Kumpless tan-nar li huma l-Kumplessi tan-Nar 25 ta’ Novembru taż-Żejtun, San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, Banda Sant Andrija ta’ Ħal Luqa, Santa Marija tal-Qrendi, Madonna ta’ Lourdes ta’ Burmarrad, Santa Marija ta’ l-Imqabba u Madonna ta’ Lourdes tal-Qrendi u mill-Għaqdiet tan-Nar Fontana tal-Fontana Għawdex, Marija Bambina Banda Vittorja tan-Naxxar u 22 ta’ Frar ta’ Birżebbuġa kif ukoll mis-Sur Karol Spiteri.

Dawn l-ispettakli ta’ nar ser isiru grazzi għal għajnuna ta’ l-Onor Ministru Owen Bonnici, l-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz, Sezzjoni Żgħażagħ Palmizi, Fondazzjoni Kottonera, Palumbo Shipyard, Cassar Ship Repair, JAC Steel, Birgu Bocci Club, Olde City Pub, Sound Solutions, Audio Sound System, Alexandra Hotel, Esplora, Wild West Bar, Cilia Building Contractors, Fava Woodworks, Melvin Degiorgio Photography, Kunsill Lokali Birgu, s-Supretendent u l-Pulizija tad-Distrett, Big Bun Bakery, Paramount Garage, Endrichton, Santana Hotel, J.Bonello Ltd, Café Du Brazil, Mifsud Garage u Grand Hotel.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com