Titħabbar L-Ewwel Edizzjoni Tal-Festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’

 Titħabbar L-Ewwel Edizzjoni Tal-Festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’

Se tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-Festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’, li għandu l-għan li kull individwu fil-komunità jkun aktar mgħarraf dwar l-importanza tax-xjenza u jħossu aktar konxju li din hija aċċessibbli u relevanti fil-ħajja ta’ kuljum. Il-festival, bit-tema ewlenija tiffoka fuq sostenibbiltà ambjentali għall-ġid tagħna lkoll, se jittella’ f’Couvre Porte fil-Birgu mis-6 ta’ filgħaxija ’l quddiem nhar is-Sibt 23 ta’ Lulju, u se jkun bla ħlas. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Esplora flimkien mal-kollaboraturi se joffru wirjiet tax-xjenza u sessjonijiet ta’ rakkonti ta’ stejjer, żfin u teatru, films qosra, busking tax-xjenza u bosta attivitajiet oħra. B’hekk dawk kollha li jattendu jkunu jistgħu japprezzaw aħjar ix-xjenza u kemm din tista’ tkun pjaċevoli meta tesperjenzaha. 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti faħħar din l-inizjattiva li se twassal biex ix-xjenza tasal għand il-familji Maltin u Għawdxin kollha. Huwa kompla jżid li, “Irrid nara soċjetà li ma tibqax tikklassifika l-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni mar-riċerkaturi biss. Kull wieħed u waħda minna, kemm jekk tfal kif ukoll anzjani, nagħmlu użu mix-xjenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum”.

Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret il-kollaborazzjoni tal-iSTEM Engagement Working Group mal-Esplora, biex tkun tista’ tittella’ din l-attività fil-qalb tal-komunità tal-Kottonera. “Minbarra s-sabiħ tal-element edukattiv ta’ dan il-festival, attivitajiet bħal dawn joħolqu sens ta’ komunità u jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna, speċjalment wara kważi nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando sostna li l‑għan ewlieni taċ‑Ċentru Esplora huwa li jixpruna t‑tisħiħ fl‑għarfien, fl‑edukazzjoni u f’metodi li jinkoraġġixxu l‑parteċipazzjoni tal‑komunità fl‑oqsma kollha tax-xjenza. Huwa kompla li dawn l-oqsma, aktar ma jgħaddi ż‑żmien, dejjem qed isiru aktar importanti u meħtieġa. “Illum qed inħabbru ‘Esperimenta Tikka Xjenza’, l‑ewwel minn sensiela ta’ festivals li huma ppjanati li jittellgħu fiż‑żona tal‑Kottonera u l‑Kalkara,” tenna Dr Pullicino Orlando.

Waqt dan il-festival se jkun hemm ukoll esebizzjoni ta’ logħob tal-injam, li se tkun Malta minn Barċellona bl-isem ta’ Xics del Xurrac. Din l-esebizzjoni, l-għada tal-festival – nhar il-Ħadd 24 ta’ Lulju – se żżewwaq ukoll Misraħ l-Isptar f’Ħaż-Żebbuġ bejn l-4pm u d-9pm ta’ filgħaxija.

Il-festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’ se jittella’ b’kollaborazzjoni bejn l-Esplora u l-iSTEM Engagement Working Group.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindki tal-Birgu, Bormla, l-Isla, il-Kalkara u Ħaż-Żebbuġ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com