Veru Li Ser Ikollna Taqliba Fit-Temp F’Nofs Lulju?

 Veru Li Ser Ikollna Taqliba Fit-Temp F’Nofs Lulju?

Skont il-paġna ta’ facebook ‘It-Temp Madwarna’ ser ikollna taqliba fit-temp fil-jiem li ġejjien.  Din il-paġna qed tirraporta dwar  ‘anomaliji’ li jirreferu għad-diverġenzi fit-temperaturi, meta tikkumparahom mal-medja staġjonali.

F’Lulju nsibu li bħala medja, it-temperatura massima normalment titla’ 31°C u l-minima tkun 21°C allura l-kuluri fl-aħmar jindikaw temp aktar sħun minn hekk, filwaqt li dawk bluni jindikaw temp aktar kiesaħ mill-medja staġjonali.

Fil-grafika t’isfel nett tistgħu tinnutaw żewġ mapep, fejn l-ewwel waħda (indikata 1) qed turi s-sitwazzjoni ta’ bħalissa fl-Ewropa, filwaqt li t-tieni mappa (indikata 2) qed tindika t-temperaturi għal għaxart ijiem oħra.

Din il-paġna (It-Temp Madwarna) kienet ġa indikat li l-‘jetstream’ dis-sena huwa dgħajjef u mibrum ‘il fuq u ‘l isfel (‘meandering’) li jfisser li l-arja sħuna mid-deżert tibqa’ sejra sal-Artiku, filwaqt li kurrenti kesħin jibqgħu wkoll neżlin ‘l isfel sew. Dan ix-xenarju joħloq temp estrem u diversi fenomeni meteoroloġiċi.

Minn osservazzjonijiet passati u anke riċenti, kull meta fis-sajf (jew anke fir-rebbiegħa), l-arja f’livelli għolja tal-atmosfera tiksaħ, din toħloq instabilità fit-temp madwarna, li din tista’ timmanifesta ruħha b’xi jiem ta’ riħ qawwi jew saħansitra maltempati iżolati u sintendi l-arja tkun tinħass iżjed friska.

Segwi hawn il-grafika:

Grafika u informazzjoni meħud mill-paġna ta’ facebook ‘It-Temp Madwarna’

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com