BIL-FILMAT: Il-Kantant Kyle Zarb B’Kanzunetta Dwar Il-Ġlieda Kontra L-Ansjetà U L-Biża’
Kyle Zarb huwa ġurnalist, animatur u kantant lokali ta’ 27 sena. Beda jkanta fl-età ta’ 17-il sena, wara ħafna snin jixtieq li jibda din il-karriera. Il-kantant jgħid li ma kinitx faċli meta kien iżgħar li jemmen fih innifsu u jaħdem fuq dan it-talent. “Niftakar jien u sejjer għall-ewwel lezzjoni, elf ħsieb għadda minn moħħi. Li ser naqa’ għaċ-ċajt, jew li qisni ser nagħmel xi żball.”
F’temp ta’ 10 snin ta’ esperjenzi fil-kant Kyle tgħallem iktar dwaru nnifsu bħala artist u kantant, kif ukoll dwar ix-xena tal-ispettaklu, u llum il-ġurnata l-kunfidenza tiegħu żdiedet ferm. Fl-aħħar wasal iż-żmien li anke joħroġ l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħu.
“Firelight tgħid l-istorja tiegħi u ta’ ħafna. Fil-fatt il-messaġġ tal-kanzunetta jaqbel ħafna ma’ dak li għaddejt minnu fejn jidħol kant per eżempju. Kemm-il darba ġejt f’pożizzjoni minħabba ċirkostanzi diversi fejn waqaft mill-kant. Iżda għall-grazzja tal-Bambin, xi ħaġa dejjem imbuttatni biex nerġa’ nkompli.”
Kyle jgħid li l-idea wara Firelight kienet l-ansjetà u s-saħħa mentali. Meta tlestiet il-lirika mill-awtriċi Justine Odom, ibbażata fuq l-ideat għall-messaġġ li Kyle xtaq iwassal, il-kantant seta’ jifhem kull kelma mill-kanzunetta, fid-dawl ta’ dak li hu stess jgħaddi minnu bl-ansjetà u l-biżgħa.
Għal din il-kanzunetta Kyle għażel li jagħmel filmat bil-lirika, għax xtaq li min qed jismagħha jifhem iżjed x’qed jiġi kantat.
Kyle żvela li Firelight kienet waħda mill-kanzunetti sottometti fil-Malta Eurovision 2022, iżda ma waslitx sal-fażi finali.
Il-kompożitur bravissimu Cyprian Cassar ħoloq kompożizzjoni mill-aqwa bi stil modern u mexxej għal din il-kanzunetta, u l-mużika hi ingredjent speċjali fiha hekk kif turi s-sens ta’ saħħa u kuraġġ li trid tirrappreżenta l-lirika. Il-melodija tal-kanzunetta kienet idea tal-istess awtriċi, Justine Odom. Il-kantanta lokali Claire McCartin kantat fl-isfond, biex tat kulur mill-isbaħ lill-kanzunetta.
Kyle hu tant grat u kuntent li bl-għajnuna u l-appoġġ ta’ ħafna, wasal s’hawn, u qed jaqsam il-mużika oriġinali tiegħu.
“Tabilħaqq kelli nqum fuq saqajja u nibqa’ sod sabiex nemmen fija nnifsi u noħroġ l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħi. Ix-xewqa l-oħra tiegħi hi li meta int, int li qed taqra dan l-artiklu, tħoss il-bżonn jew tkun se ċċedi fil-ħajja, din il-kanzunetta tgħinek terġa’ tqum!”
Hawn taħt tistgħu issegwu l-filmat bil-lirika, li huwa xogħol ta’ Angie u Duane Laus minn Lava Graphics Ltd.
Ritratt: Pukka Media