Il-PN Jistenna Li Tittieħed Azzjoni Biex Id-Direttorat Tal-Annimali Jipproteġi U Jħares Tassew Lill-Annimali
Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li d-Direttorat tal-Annimali juża’ vann tal-merkanzija li ssoltu jintuża’ biex jinġarr ikel fil-friża tiegħu minflok ambulanza. Dan wassal biex annimali, skont il-każ irrapportat illum fil-media lokali tlett ifrieħ ta’ qtates, li nstaqu f’vann minn dawn mill-Isptar f’Ta’ Qali s’għand il-persuna li kienet se tieħu ħsiebhom, spiċċaw esposti għal kesha qawwija li wasslithom għal hypothermia u eventwalment mietu. Mhux aċċettabbli li annimali li diġà kienu vulnerabli minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħithom tpoġġew f’kaxxa-friża.
Filwaqt li jinnota kif l-Uffiċjal li saq dan il-vann spiċċa mkeċċi minn xogħolu, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk dan l-Uffiċjal staqsiex għaliex kien se juża’ dan it-tip ta’ vann u anke għaliex id-Direttorat tal-Annimali ma qiesx minn qabel il-periklu imminenti li fihom espona lil dawn il-qtates.
Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliema tiegħu Janice Chetcuti, jtenni li l-għan ewlieni tad-Direttorat tal-Annimali hu li jara li l-annimali kollha jkollhom il-hames libertajiet prinċipali taghhom rispettati: li ma jkunux bil-ġuħ jew bil-ghatx; li ma jgħaddux minn tbatija; li ma jkunux esposti għal ugigħ; li jkollhom id-dritt jgħixu ħajjithom fejn ikunu jistgħu juru l-vera personalità tagħhom; u li jinżammu ‘l bogħod minn kwalunkwe tip ta’ biża’ jew stress.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalitsa jinnota li hu inaċċettabbli kif, f’dan il-każ partikolari, kien id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali stess li, mhux talli ma pproteġiex dawn id-drittijiet, talli ħoloq stat mhux mixtieq għall-annimali fejn esponihom għal tbatijiet żejda li wasslu għall-mewt tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li jsiru l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa u li tittieħed azzjoni ħalli każ bħal dan ma jerġax iseħħ. Minflok, il-Gvern għandu jara li jkun id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li verament jipproteġi u jħares lill-annimali.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li f’pajjiżna, anke l-annimali jixirqilhom ferm aħjar, filwaqt li jsellem u jirringrazzja partikolarment lill-ħafna voluntieri li ta’ kuljum jiddedikaw ħinhom, flushom u l-enerġija kollha tagħhom biex jgħinu bl-aħjar mod possibbli lill-annimali.
Ritratt meħud minn LovinMalta