Il-PN Sodisfatt Bl-Irtirar Tal-Proposta Ta’ Ristorant Fi Ġnien Romeo Romano
“Il-fatt li l-Gvern irtira kliemu u t-talba tiegħu li jsir ristorant fil-ġnien pubbliku Romeo Romano f’Santa Venera juri b’mod kif il-Partit Nazzjonalista kapaċi jwettaq l-bidla mill-Oppożizzjoni, kif ukoll li bil-perseveranza tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-attiviżmu tas-soċjetà ċivili u l-mijiet ta’ nies li oġġezzjonaw, tista’ tinġieb il-bidla.” Hekk qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Darren Carabott -Kelliem għall-Kunsilli Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika.
Tenniet li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni, filwaqt li jisħaq fuq il-pożizzjoni u l-politika li jkun favur it-tisbieħ u r-restawr tal-ispazji pubbliċi storiċi tagħna biex jitħarsu l-kwalità tal-ħajja u l-ispazji ħodor fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista appella biex, bħalma rebħet il-vuċi tar-raġuni u tal-poplu f’din il-kwistjoni tal-Ġnien Romeo Romano, f’każi oħrajn f’Malta u f’Għawdex li hemm bżonn li l-Gvern jirtira l-pożizzjoni tiegħu dwarhom, jibda jisma’ l-karba favur l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja aħjar.