L-Aktar Avveniment Tas-Sajf Imfittex F’Għawdex, Jirritorna

 L-Aktar Avveniment Tas-Sajf Imfittex F’Għawdex, Jirritorna

EDIZZJONI SPEĊJALI TAL-FESTIVAL MALTI TAL-IKEL INTERNAZZJONALI FIX-XEWKIJA.

L-Ikel huwa parti integrali mill-kultura u s-soċjeta’ tagħna l-Maltin. Filwaqt li l-ikel għal xi wħud huwa sors ta’ sostenn, għal bosta huwa opportunita’ ta’ għaqda fejn bħala komunita’ niċċelebraw dak li jgħaqqadna. L-aktar avveniment tas-sajf popolar f’Għawdex jirritorna; l-edizzjoni speċjali tal-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali.

Festival b’xejn ibbażat fuq il-prinċipju tal-għaqda u l-inklussivita’. Żewġt’iljieli ta’ ċelebrazzjoni kulinarja minn madwar id-dinja. It-tjubija tal-ikel Ażjatiku, il-kwaita’ tal-ikel Mediterranju, l-aqwa tal-platt Ewropej u l-ġenwinita’ tal-ikel Għawdxi. L-aqwa mod sabiex tiskopri t-tjubija tad-dinja minn post wieħed. Matul l-avveniment wieħed jista’ jduq ukoll għażla wiesgħa ta’ birrer u mbejjed lokali u internazzjonali filwaqt li jgawdi minn atmosfera unika minn mużiċisti li ser idoqqu mużika live fl-isfond tar-rotunda tax-Xewkija.

Madwar 20 esebitur ser ikunu qegħdin joffru l-aqwa ikel minn bosta pajjiżi minn madwar id-dinja. Okkazzjoni ideali sabiex wieħed jiċċelebra s-sajf Malti fil-gżira Għawdxija. Għal dawk li jħobbu l-ħlewwiet ser ikun hemm ukoll għażla wiesgħa ta’ ħelu Għawdxi u għażla ta’ ġelati u ħlewwiet oħra partikolarment Mediterranji.

Ser tintrama ukoll żona speċjali għat-tfal b’ikel addattat għat-tfal. F’din iż-żona ser ikun hemm ukoll numru ta’ bouncy castles, face painting u logħob interessanti ieħor.

Dawk li jixtiequ jduqu jew jieklu wieħed mill-platti preparati jistgħu jixtru l-biljetti minn numru ta’ stands li ser ikunu armati. Ser ikun hemm ukoll varjazzjoni ta’ xorb u inbid bi prezzijiet raġonevoli.

L-edizzjoni speċjali tal-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali f’Għawdex ser tiġi organiżżata l-Ġimgħa 5 u s-Sibt 6 ta’ Awwissu fil-pjazza tax-Xewkija.

Is-servizz tal-Linja ser ikun qiegħed jopera b’mod regolari b’rotott miżjuda mix-xatt tal-Imġarr sax-Xewkija u lura bir-rotta 323.

Aktar informazzjoni fuq www.maltainternationalfoodfestival.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com