“L-Appell Jibqa’ Biex Kulħadd Jaġixxi B’Responsabbiltà.” – Ministeru Għall-Anzjanità Attiva

 “L-Appell Jibqa’ Biex Kulħadd Jaġixxi B’Responsabbiltà.” – Ministeru Għall-Anzjanità Attiva

Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva jinnota b’dispjaċir ir-reazzjoni tal-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) għall-konklużjonijiet ta’ inkjesta interna indipendenti tal-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia u passi meħuda mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku wara din l-inkjesta.

Filwaqt li l-ministeru għal darb’oħra jtenni li japprezza u jirrispetta l-isforzi tal-MUMN li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-interessi tal-membri tagħha, jerġa’ jisħaq ukoll li f’każ fejn anzjan ħareġ minn San Vinċenz De Paul matul il-lejl, bil-konsegwenza li ma rritornax, ma setax ikun injorat kif donnu hawn min qed jippretendi.

Minflok, l-obbligu kien li jkunu stabbiliti l-fatti u jsiru rakkomandazzjonijiet bil-għan li tonqos il-possibbiltà li każijiet bħal dawn jirrepetu ruħhom. Biex dan sar tmexxiet inkjesta interna indipendenti mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia. Altru  milli “frame-up”, kif l-uffiċjali għolja tal-MUMN allegaw fl-aħħar sigħat, f’allegazzjoni li mhux biss tiġi miċħuda bl-ikbar qawwa iżda li ma tagħmel ebda ġieħ lil min jagħmilha.

Il-ministeru jfakkar ukoll li fuq ordni tal-MUMN diġà daħlu direttivi li jolqtu pazjenti/residenti anzjani li ma jixirqilhomx li jintużaw b’dan il-mod. Quddiem dan kollu l-ministeru ser ikompli jaġixxi b’mod denju, korrett, demokratiku u trasparenti. Dan b’rispett lejn il-pazjenti u l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema li jwettqu xogħolhom b’imħabba u b’dedikazzjoni, fosthom l-istess membri tal-MUMN. Għalhekk l-appell jibqa’ biex kulħadd jaġixxi b’responsabbiltà.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com