Naħdmu Flimkien: Nibnu Komunitajiet U Ninvolvu Żgħażagħ Għal Ġestjoni Ambjentali

 Naħdmu Flimkien: Nibnu Komunitajiet U Ninvolvu Żgħażagħ Għal Ġestjoni Ambjentali

Ronald McDonald House Charities Malta għadha kemm laqgħet roundtable komunitarja organiżżata minn NWAMI International Malta. Din saret bħala parti minn proġett għaż-żgħażagħ tal-NGO ‘Together We Strive’ iffinanzjat mill-Volontary Organisations Projects Scheme mħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Ir- roundtable komunitarja kienet iffaċilitata mill-President ta’ NWAMI International Malta Maria-Gabriele Doublesin. L-għan ta’ din ir-roundtable komunitarja kien li tisma’ l-perspettiva tal-partijiet interessati tal-komunità Maltija u internazzjonali dwar kwistjonijiet attwali li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ tagħna, tesplora r-rieda taż-żgħażagħ biex jimpenjaw ruħhom ma’ oħrajn barra ċ-ċirku soċjali tagħhom stess, kif ukoll l-interess tagħhom fil-protezzjoni tal- ambjent.

Seba’ nazzjonalitajiet differenti ħadu sehem f’din ir-roundtable komunitarja. Dawn inkludew Uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità responsabbli mir-Reġjun tat-Tramuntana, rappreżentanti tal-kunsilli lokali tas-Swieqi u San Ġwann, Aġenzija Żgħazagħ, African Youth and Young Adults Movement Malta (Y.A.Y.A), u Proutist Universal, flimkien ma’ kowċ tal-inkluzjoni Ingliz ta’ Żimbabwe dwar empowerment lin-nisa ta’ kulur.

L-ispinta ġenerali tad-diskussjoni ffukat fuq in-nuqqas ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-involviment komunitarju f’ċentri urbani aktar ġodda bħas-Swieqi, b’kuntrast għall-involviment li nsibu fl-irħula fejn entitajiet tradizzjonali bħall-każini tal-banda huma komponent indispensabbli tal-ħajja soċjali. In-nuqqas ta’ strutturi bħall-klabbs taż-żgħażagħ u n-natura eteroġena tal-komunità, mhux biss fil-każ ta’ komunitajiet multikulturali, iżda anke fir-rigward tad-demografija tal-Maltin li jgħixu f’żoni bħal dawn, iwasslu għal nuqqas ta’ impenn u anki nuqqas ta’ sens ta’ appartenenza. Dan imbagħad iwassal għal diversi sitwazzjonijiet, li jvarjaw minn aljenazzjoni taż-żgħażagħ għal nuqqas ta’ attenzjoni għal kwistjonijiet bħas-separazzjoni tal-iskart u l-indafa.

Fil-każ taż-żgħażagħ, ta’ spiss kien irrimarkat li l-ġenerazzjoni mrobbija fuq il-midja soċjali għandha diffikultà biex tissoċjalizza, u dan saħansitra jolqot is-saħħa mentali tagħhom. Dan qed iseħħ filwaqt li hemm ukoll nuqqas ta’ integrazzjoni bejn komunitajiet differenti, u għalhekk hemm il-ħtieġa għal monitoraġġ attwali fuq il-post ta’ din is-sitwazzjoni flimkien ma’ inizjattivi konkreti biex tkun indirizzata din il-problema.

Kien hemm qbil ġenerali bejn rappreżentanti Maltin u migranti espatrijati mhux Maltin li hemm il-ħtieġa kulturali ta’ fehim reċiproku biex ikunu stabbilizzati r-relazzjonijiet komunitarji. Minn naħa, id-dħul f’kultura ġdida jimplika li tħaddanha u tadatta għaliha, filwaqt li min-naħa l-oħra, l-element lokali jeħtieġ li jissaħħaħ permezz tal-edukazzjoni, speċjalment permezz tal-midja, sabiex titrawwem l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni. Hawnhekk il-midja għandha rwol ċentrali, mhux biss biex ixerred messaġġi favur fehim komuni tal-ħajja tal-komunità, iżda wkoll biex jipprevjeni r-razziżmu u d-diskriminazzjoni.

Ir-riżultat ewlieni minn din ir-roundtable kien il-kunċett li l-idea ta’ lokali kontra barrani hi kostruzzjoni soċjali, u għalhekk l-importanza li nsiru konxji ta’ ‘min hemm ukoll fil-kamra’. B’dan il-mod, jista’ jibda jinħoloq livell ta’ fehim, bħala bażi għal involviment, kooperazzjoni u integrazzjoni aktar pożittivi. Fil-każ taż-żgħażagħ, huwa assolutament importanti li jinħolqu strutturi sabiex iqarrbu lilhom u l-komunitajiet tagħhom b’mod konkret. Dan jista’ jinkiseb ukoll permezz tal-ħolqien ta’ sinerġiji u relazzjonijiet, bħalissa ineżistenti, bejn il-kunsilli lokali u l-komunitajiet tagħhom.

Ta’ min jinnota li din il-laqgħa rat waħda mill-ewwel każi fejn uffiċjali tal-gvern urew interess konkret li jsiru jafu dwar dawn il-problemi, u kien issuġġerit ukoll li l-influencers tal-komunità jistgħu jkunu mħarrġa sabiex inisslu r-responsabbiltà mill-membri tal-komunitajiet tagħhom stess. Żgur li hemm il-ħtieġa ta’ aktar appoġġ lokali u impenn komunitarju b’nazzjonalitajiet differenti, u li kontinwament inżommu f’moħħna l-kunċett ta’ kif nistgħu nkunu aktar inklużivi, aktar milli nibqgħu mwaħħlin f’mentalità ta’ ‘aħna u huma’.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com