Raġel Iweġġa’ Serjament B’Tir Fuq In-Naħa Ta’ Wara Ta’ Dahru
Illum, għal xi l-kwarta ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet sparatura fl-akwati ta’ Wied Ħażrum, fil-limiti tas-Simblija, ir-Rabat.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u hemmhekk sabet raġel ferut b’tir fuq in-naħa ta’ wara ta’ dahru. Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u wara li ngħata l-ewwel assistenza medika fuq il-post, ir-raġel ittieħed l-isptar b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Il-vittma ġie identifikat li għandu 49 sena u huwa residenti r-Rabat. L-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post u għaddejja tfittxija għalih mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-Ispecial Intervention Unit.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, assistiti mill-uffiċjali tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija, għaddejjin bl-investigazzjonijiet.