Titwieled Il-Malta Premier League
F’laqgħa li saret l-Erbgha filgħaxija, il-clubs tal-Premier League approvaw l-istatut li permezz tiegħu waqqfu uffiċċjalment l-Assocjazzjoni li se tkun qed tirrapreżenthom minn issa ‘il quddiem. Filwaqt li l-Assocjazzjoni kienet magħrufa proviżjorjament bħala Malta Professional Football Clubs Association, il-membri qablu li l-isem jinbidel għal Malta Premier League (MPL) fl-istess linja ma’ assoċjazzjonijiet simili f’pajjiżi oħra.
L-MPL kitbet uffiċjalment lill-Malta Football Association (MFA) biex tkun rikonoxxuta formalment bħala r-rappreżentant uniku tal-clubs tal-Premier League minflok il-Premier League Standing Committee. Il-clubs unanimament qablu ma’ Pjan imressaq mic-Chairman tal-MPL, Joseph Muscat, dwar il-prijoritajiet u l-ħidma għax-xhur li ġejjin.
Fil-gimghat li ġejjin, l-MPL se tidħol f’diskussjonijiet mal-istakeholders ewlenin, fosthom players, referees, supporters, pubbliku, media u awtoritajiet bil-għan li tibda t-thejjija għal tranżizzjoni maqbula mal-MFA għal Premier League ġdid u aktar attraenti kemm jista’ jkun malajr wara l-istaġun li se jibda dalwaqt.