Aktar Minn 300 Professjonist Se Jattendu Għall-Kungress Internazzjonali Dwar Il-Vizzji Li Se Jsir F’Malta
Malta se tospita l-Kungress tal-ISAM (Soċjetà għall-Mediċina marbuta mal-Vizzji), li se jkun l-ewwel wieħed b’kuntatt fiżiku u mhux virtwali minn meta faqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Dan il-kungress se jittella’ l-ġimgħa d-dieħla, bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru. Għalih se jipparteċipaw mat-300 speċjalist minn barra minn Malta u 160 professjonist lokali li jaħdmu f’dan il-qasam.
Dan il-kungress se jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). Ħafna mit-temi li se jkunu diskussi jittrattaw ir-riabilitazzjoni u fatturi psikosoċjali li qed iwasslu għall-abbuż u kif dawn jistgħu jiġu evitati minn etajiet żgħar bħala prevenzjoni. Se jkunu diskussi wkoll studji, riċerka u innovazzjoni fejn tidħol l-użu ta’ mediċina alternattiva għall-kura ta’ vizzju minn droga speċifika.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ħamis waranofsinhar fl-Università l-Antika fil-Belt Valletta, li diġà tinsab armata biex tilqa’ dan il-kungress.
“Ma investejniex biss fis-servizzi li joffri u jipprovdi direttament il-gvern permezz tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS, kif ukoll is-servizzi tal-Ministeru għas-Saħħa f’dan il-qasam. Żidna wkoll, fil-fatt, in-nefqa għal dik li hi l-għajnuna li nagħtu lill-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam. Dan għalina huwa investiment għax wara kull vittma hemm familja. Soċjetà b’saħħitha hija dik li tgħin lil kulħadd mingħajr ebda distinzjoni”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.