Disa’ Kunsill Lokali Jibbenefikaw Minn Fond Mir-Reġjun Tramuntana Favur Il-Libreriji Lokali
Disa’ kunsilli lokali fi ħdan il-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana qed jibbenefikaw minn fondi sabiex jassistu finanzjarjament lil-libreriji tal-lokalità rispettiva tagħhom. L-għan ta’ dawn il-fondi huwa sabiex jinxtraw aktar kotba u tagħmir sabiex jitjieb is-servizz tal-libreriji. Il-libreriji tal-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, il-Mellieħa, l-Imġarr, l-Imtarfa, in-Naxxar, Ħal Balzan, San Pawl il-Baħar u l-Mosta ser jirċievu l-allokazzjoni ta’ €2,500 kull wieħed. Filwaqt li l-librerija ta’ San Ġwann ser tkun qed tingħata fond ta’ €5,000, sabiex bitħa biswit il-librerija ssir aktar aċċessibbli għal kulħadd u tinbidel fi spazju miftuħ għall-qari.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li, “Huwa ta’ sodisfazzjon li nattendi għal okkażjonijiet bħal dawn għaliex il-qari jwessa’ l-għarfien ta’ kull min jaqra, irrelevanti l-età.” Faħħret l-inizjattiva tal-kunsill reġjonali u saħqet li l-kunsilli lokali għandhom ikunu minn ta’ quddiem sabiex jimplimentaw proġetti li jtejbu l-ħajja tar-resident minn kull aspett, anke dak edukattiv. “Inħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jaqra aktar kotba u jissellef kotba disponibbli għalih mil-libreriji pubbliċi” temmet is-segretarju parlamentari.
Il-President tal-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana Clifford Galea saħaq li l-libreriji għandhom ikunu inklussivi billi jkollhom għażla ta’ kotba braille jew audio books għal persuni neqsin mid-dawl. “Huwa fi dmirna li naħsbu fl-inklużjoni ħalli kulħadd jingħata s-servizz li jixraqlu”, qal is-Sur Galea.
Il-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana ppreżenta l-ktieb tar-reġjun bl-isem ‘Colours of the North’ filwaqt li l-kunsilli lokali ppreżentaw kotba dwar il-lokalitajiet tagħhom lil-libreriji sabiex ikunu disponibbli għall-użu tal-pubbliku.
Waqt din il-konferenza kien hemm preżenti s-segretarju eżekuttiv tal-Kunsill Reġjonali Tramuntana, is-sindki u s-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali fi ħdan ir-Reġjun Tramuntana, rappreżentanti f’isem il-Malta Public Libraries u l-librara responsabbli mil-libreriji fl-istess reġjun.