Dr Lydia Abela Tindirizza Konferenza F’New York Dwar Id-Diversità U L-Ugwaljanza Fis-suġġetti Xjentifiċi

 Dr Lydia Abela Tindirizza Konferenza F’New York Dwar Id-Diversità U L-Ugwaljanza Fis-suġġetti Xjentifiċi

Fil-binja ta’ Microsoft f’New York, Dr Lydia Abela tkellmet dwar l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tas-suġġetti xjentifiċi, hekk imsejħa STEM.

Fuq stedina tal-Aspire Artemis Foundation, is-Sinjura Abela qalet li jeħtieġ li nkomplu nsibu modi biex navvanzaw b’mod tajjeb l-opportunitajiet ugwali fost l-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw dawn is-suġġetti, partikolarment il-bniet u t-tfajliet.

“Irridu nagħmlu dan biex inħaffu l-innovazzjoni madwar id-dinja,” stqarret Dr Abela, filwaqt li semmiet għadd ta’ eżempji fejn is-suġġetti STEM qegħdin kontinwament jgħinu biex jindirizzaw sfidi globali kontemporanji.  

“Irridu naraw iżjed nisa f’dawn l-oqsma li jkunu determinati u kapaċi jindirizzaw kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, l-inugwaljanza tar-riżorsi, sfidi ekonomiċi, il-prevenzjoni tal-mard, fost oħrajn. Dan nistgħu nagħmluh billi nħajru iżjed tfajliet jagħżlu din il-karriera u sussegwentament jiżviluppaw soluzzjonijiet effettivi,” qalet Dr Lydia Abela.

L-għan ewlieni tal-Aspire Artemis Foundation huwa dak li tħajjar u tinċentiva iżjed bniet u tfajliet jagħżlu din il-karriera li kontinwament qiegħda tirrifletti l-ħtiġijiet tal-industrija llum il-ġurnata.

“Xtaqt nirringrazzja u nfaħħar ix-xogħol ta’ din il-fondazzjoni talli organizzat dan l-avveniment u għall-ħidma tagħha biex tavvanza u trawwem iżjed studenti jistudjaw ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM), partikolarment fost it-tfajliet u n-nisa,” qalet Dr Abela.

F’dan il-kuntest, mart il-Prim Ministru qalet li saru diversi impenji globali fil-qasam tal-edukazzjoni, li hija dritt fundamentali tal-bniedem. It-trasformazzjoni tal-edukazzjoni, madankollu, teħtieġ l-impenn kollettiv u l-azzjoni tal-partijiet involuti kollha, inkluż iż-żgħażagħ.

Fi tmiem id-diskors tagħha, Dr Abela għamlet referenza għal kisbiet li qed jagħmel pajjiżna f’dan il-qasam, partikolarment bir-rikonoxximent ta’ diversi studenti f’livell primarju li riċentament ikklassifikaw fl-ewwel post f’kompetizzjonijiet globali li jitrattaw suġġetti xjentifiċi.

Matul iż-żjara akkumpanja lis-Sinjura Abela delegat żagħżugħ Malti tal-Ġnus Magħquda, Matthew Micallef St John.

Ritratti: OPM

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com