Fost L-Aqwa Artisti Internazzjonali Waqt Notte Bianca 2022

 Fost L-Aqwa Artisti Internazzjonali Waqt Notte Bianca 2022

Din is-sena Notte Bianca ser tirritorna s-Sibt l-1 ta’ Ottubru, b’programm varjat għall-aħħar li jinkludi prestazzjonijiet taż-żfin, mużika, teatru, mużika klassika u alternattiva, ir-rotta l-ħamra kif ukoll sezzjoni ġewwa l-Barrakka ta’ Fuq iddedikata apposta għat-tfal. B’aktar minn 580 artist involuti b’xi mod jew ieħor fil-programm ta’ din is-sena, Notte Bianca zgur li ser toffri sors ta’ divertiment għal kull min jattendiha.

Apparti s-sehem ta’ diversi artisti lokali bravissimi li m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni, bħal George Curmi Puse’, Freddie Portelli, Klinsmann, Joseph Galea u Ċikku l-Poplu, Il-Malta Magicians Society, Versatile Brass, Tribali, Manatapu u Fakawi, u ħafna aktar, il-programm ta’ din is-sena ser jospita wkoll diversi artisti ta’ fama internazzjonali, b’proġetti uniċi li mhux ta’ min jitlifhom.

Flamenco Roots

Ġewwa Hastings bħala parti mir-rotta taż-żfin, ser naraw proġett bit-titlu ta’ Flamenco Roots, li ser iġib miegħu diversi artisti bravissimi fejn ser jesprimu ruħhom permezz ta’ dan l-iżfin tradizzjonali Spanjol, fejn ser joffru atmosfera u enerġija unika. Min iħobb il-mużika blues jista’ jsegwi r-rotta l-ħamra fejn il-kitarrist Umberto Porcaro ser ikun qiegħed jagħti spettaklu mill-aqwa li ħadd ma’ għandu jitilfu.

Għal min jixtieq jesperjenza l-mużika klassika b’differenza, jista’ jattendi The Opera Locos. Interpretazzjoni differenti ta’ Opera amalgamata ma’ mużika pop. Mill-lenti teatrali, ser naraw lil Karchoca, artist li joffri spettaklu tat-triq komiku għall-familja kollha!

Il-programm ta’ din is-sena ser jilħaq il-fulkru tiegħu permezz tar-rotta tal-Mużika li ser tospita diversi artisti bravissimi Taljani, bħall-grupp ta’ kitarristi bi stil mużikali jazz 4ttro, Band Tinto Brass, u l-prestazzjonijiet mużiko-teatrali Il Mare Minore u The Two Moons. Fl-aħħar u mhux l-inqas, f’din ir-rotta ser naraw il-mistiedna speċjali ta’ din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca huma ħadd ħlief The Kolors, band pop-rock Taljana li laħqet il-popolarita’ tagħha permezz ta’ Amiċi u San Remo.

The Kolors

L-edizzjoni ta’ din is-sena mhux ta’ min jitilfa’. Narawkom il-Belt Valletta nhar is-Sibt l-1 ta’ Ottubru għal lejla mdawwla mimlija kultura! Aktar informazzjoni fuq www.festivals.mt/nb

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com